B’investiment ta’ tliet mija u tletin elf ewro, se jkun qed jiġi rrestawrat is-sur ta’ wara l-knisja magħrufa bħala “Ta’ Liesse” fil-Belt.
Magħruf wkoll bħala l-Marina Curtain, dan is-sur jifforma parti minn ħajt oriġinali tal-Belt li kien iddisinjat minn Francesco Laparelli fl-elf ħames mija sitta u sittin.
B’ħidma mid-Direttorat tar-Restawr, ix-xogħlijiet bdew f’Ottubru li għadda u mistennija jaslu fi tmiemhom din is-sena stess. Iż-żona ta’ restawr tkopri medda ta’ madwar tlett elef metru kwadru.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn inkomplu nieħdu ħsieb il-wirt nazzjonali tagħna.
Il-Perit Chanelle Busuttil, mid-Direttorat tar-Restawr, spjegat li x-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru bħalissa jikkonsistu f’tindif, tikħil mill ġdid tal-fili, restawr tal-ġebel bit-teknika tal-plastic repair, u restawr tal-parapett.