L-avjazzjoni kienet tema ewlenija fil-laqgħat bilaterali li saru bejn il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Prim Ministru tal-Etjopja Abiy Ahmed Ali.
Fi żjara uffiċjali li l-Prim Ministru Etjopjan għamel f’Malta, iż-żewġ mexxejja tkellmu fuq iżjed koperazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni, li tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.
Il-Prim Ministru Malti laqa’ lil dak Etjopjan quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, it-Tlieta filgħodu. Hemmhekk saret iċ-ċerimonja tal-wasla fi Pjazza Kastilja bis-sehem tal-Forzi Armati ta’ Malta. Iż-żewġ Prim Ministri assistew għad-daqq tal-innijiet nazzjonali u wara spezzjonaw il-gwardja tal-unur.
Minn hemmhekk iż-żewġ Prim Ministru daħlu fil-Berġa ta’ Kastilja fejn fl-uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, Ahmed iffirma l-ktieb tal-viżitaturi u wara bdiet il-laqgħa bilaterali bejn iż-żewġ delegazzjonijiet.
Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-diskussjonijiet li għaddejjin biex il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Etjopja, li hija l-akbar kumpanija tal-ajru fl-Afrika u r-raba’ l-ikbar fid-dinja għad-destinazzjonijiet, tibda ttir lejn Malta. Il-Prim Ministru Abela saħaq ukoll li dan l-iżvilupp mal-Ethiopian Airlines jista’ jkun pożittiv mhux biss għax il-pjan hu li mbagħad minn Malta, il-linja tal-ajru ttir dirett lejn l-Istati Uniti iżda biex lejn pajjiżna jiġi attirat ukoll investiment globali li jwassal għal investiment dirett barrani wkoll lejn l-Etjopja.
Waqt it-taħdidiet il-Prim Ministru Malti fisser l-Etjopja bħala sieħeb strateġiku ewlieni fl-Afrika bħal ma’ hu l-pajjiż tal-Ghana. Dr Abela nnota l-ftuħ ta’ Ambaxxata Maltija fil-kapitali Addis Ababa u spjega kif Malta tista’ tkun ħolqa kummerċjali importanti għall-Etjopja kemm fir-reġjun tal-Mediterran iżda anki fl-Ewropa. Dr Robert Abela awgura lil Dr Abiy Ahmed Ali għal ftehim ta’ paċi li ntlaħaq fl-Etjopja, li mistenni jfisser aktar stabbiltà u spjega kif Malta issa anki bħala President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda qed tkompli twassal messaġġ favur il-paċi u tiffaċilita d-djalogu.
Iż-żewġ naħat tkellmu anki fuq aktar koperazzjoni fis-settur marittimu, dak tal-intelliġenza artifiċjali, l-edukazzjoni u x-xjenza fost oħrajn.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru ta’ Malta fil-laqgħat bilaterali kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia.