Niġerjana li pruvat tidħol f’pajjiżna b’karta tal-identità falza ġiet ikkundannata tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tlett snin.
Peace Edit ta’ wieħed u erbgħin sena nqabdet dieħla f’Malta b’dokument falz Taljan biex issib xogħol f’pajjiżna. Il-Prosekuzzjoni qalet li n-Niġerjana mhux l-ewwel darba li pruvat tirfes artna mingħajr id-dokumenti meħtieġa u meta nqabdet ix-Schengen kien sospiż. Imbikkma għall-aħħar, in-Niġerjana nfexxet tixgħer u qalet li ħalliet lill-uliedha l-Italja u pruvat issib xogħol f’Malta.
Id-difiża appellat għal sentenza sospiża kif filfatt ingħatat wara li n-Niġerjana kkoperat bi sħiħ mal-awtoritajiet u spjegat kif kisbet id-dokument falz.