L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet il-Programm Kulturali tagħha għall-din is-sena.
Dan se jinkludi programm ta’ installazzjonijiet artistiċi, wirjiet, kunċerti, films u produzzjonijiet teatrali, fost l-oħrajn.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie spjegat li se jittellgħu numru ta’ produzzjonijiet bis-sehem ta’ diversi artisti, organizzazzjonijiet u l-komunità kummerċjali, li huma l-qalb tal-Belt Valletta.
Il-programm jinkludi produzzjoni ddisinjata mill-artist rinomat, José Cura, l-opra Tosca ta’ Puccini, li se titella’ flimkien mat-Teatru Manoel bil-parteċipazzjoni ta’ Kor Malta u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
Se ssir ukoll produzzjoni dwar il-kantanta Mary Spiteri, li se tagħti ħarsa lejn ħajjitha u l-karriera tagħha, permezz ta’ repertorju ta’ kanzunetti u intervisti.
Il-Programm se jinkludi wkoll il-Valletta Green Festival, Cinema City, Opera in the City – The Three Tenors u l-Valletta Local Food Festival.
Il-programm jinkludi wkoll id-dramm komiku Arti, li ġie tradott għall-Malti mill-Ingliż.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li dan il-programm joffri xi ħaġa għal kulħadd f’kull żmien.
Qal, “Se nkunu qed nistennew bosta attivitajiet mifruxin fuq tnax-il xahar, li ttella’ l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u allura, jiena minn issa nawgura li mhux biss l-attendenzi jkunu kbar, imma nawgura wkoll li dawk kollha li b’xi mod jew ieħor, jinteressahom il-bosta ġeneri li aħna beħsiebna ntellgħu u huma wkoll inkluż f’ dal-kalendarju kulturali jkunu għall-gost tal-familja kollha u naturalment, għall-gost ekonomiku, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta, għaliex l-aġenzija kulturali hija mwaqqfa għalhekk.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone spjegat li iżjed minn qabel, il-Belt Valletta saret mużajk kulturali mill-isbaħ ta’ konverġenza għal avvenimenti artistiċi ta’ kwalità għolja.
Qalet, “Għal darba oħra, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qiegħda tniedi programm annwali ta’ attivitajiet li huma iffukati fuq il-kwalita’ u l-aċċessibilita’. Pilastru importanti li jagħmel parti importanti minn din l-aġenzija, huwa li l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd, u għaldaqstant għal sena wara l-oħra, aħna qegħdin nerġgħu intellgħu l-avvenimenti li llum il-ġurnata saru rinomati fil-kalendarju kulturali tal-Belt.”
Il-Kap tal-Malta Design Cluster, Joanne Attard Mallia, qalet li qed jiżdiedu s-servizzi tal-cluster.
Qalet, “Tajna wkoll rendikont ta’ kif qed inkomplu intejbu u nkabbru is-servizz tal-cluster, għall-kreattivi, għad-diżinjaturi, għall-artisti kollha li jaħdmu fuq proġetti bħal dawn u ħafna iktar.”