Spiċċat karriera ta’ servizz għall-kelb Peter, li ilu jgħin lid-Dwana għal dawn l-aħħar 4 snin u nofs biex ixomm flus kontanti mhux iddikjarati u tabakk tal-kuntrabandu. Peter issa huwa uffiċjalment irtirat u ġie adottat minn impjegat tad-Dwana.
L-akbar kisba ta’ Peter kienet meta interċetta €33,164 fi flus mhux iddikjarati f’sejba waħda, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. B’kollox, Peter għamel 84 sejba pożittiva, li 27 minnhom kienu relatati ma’ qbid ta’ flus kontanti. Infatti huwa sab €598,859 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Peter xamm ukoll 54 każ ieħor relatat ma’ qabdiet ta’ tabakk, li jammontaw għal 150kgs. Barra minn hekk, xamm 3 każi ta’ droga: każ wieħed ta’ kannabis u 2 oħra ta’ kokaina.
Fost il-ħafna kisbiet tiegħu, fl-2021 rebaħ il-premju tal-Aqwa Kelb fl-Uniformi waqt iċ-ċerimonja tal-Premji bl-Unuri tal-Annimali f’Malta. Peter bla dubju ħalla wirt li jibqa’ mfakkar dejjem għall-ħiliet eċċellenti tiegħu fix-xamm, l-ubbidjenza u l-ġentilezza.
Fi stqarrija, d-Dwana ta’ Malta sellmet lil k9 Peter u rringrazzjatu tas-servizz mill-aqwa tiegħu. Fl-istess ħin tat merħba lir-rekluta ġdida bl-isem ta’ Dezerto: ferħ żgħir Springer, mogħti lid-Dipartiment minn Tat-Tarġa Kennels fl-2022. Bħalissa, Dezerto għaddej mit-taħriġ meħtieġ biex ikun jista’ jagħti l-aqwa servizz.
Oriġinarjament mill-Italja, Dezerto huwa ħerqan li jitgħallem, jirrispondi tajjeb għall-istruzzjonijiet u ubbidjenti. “Dezerto qed juri li hu uffiċjal promettenti, u d-Dipartiment jara potenzjal kbir fih,” qalet id-Dwana.
Nawguraw lil Dezerto ir-risq fil-karriera tiegħu.