Balzan ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 2-1 fl-ewwel partita tal-Ħadd wara nofsinhar fit-Tony Bezzina Stadium.
Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta meta freekick ta’ Jurgen Degabriele ġie mdawwar f’korner bi bravura mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Balzan, Rudy Briffa.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-27 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Zachary Grech xeħet kross li sab lil Yunusa Owolabi Muritala li iżda minn taħt il-lasta tefa’ ftit barra.
Balzan fetħu l-iskor mas-siegħa logħob meta Momcilo Raso b’xamma kbira għall-goal mill-viċin tefa’ ġewwa.
Iżda Hibernians ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u fil-71 minuta ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ semi-rovexxjata mill-isbaħ ta’ Yunusa Owolabi Muritala li ma tat l-ebda ċans lil Rudy Briffa.
Madankollu, il-Pawlisti bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li mill-azzjoni li segwiet sekondi biss wara, Balzan ma skorjawx il-goal tar-rebħa meta s-sostitut Alex Satariano għadda tajjeb lejn Matheus De Sousa li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Ħames minuti mit-tmiem Aldama ta’ Hibernians deher jaqa’ fil-kaxxa wara kuntatt ma’ wieħed mid-difensuri ta’ Balzan iżda referee ħalla l-logħob għaddej.
Balzan komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-logħba: Bojan Kaljevic