Fl-attività politika fl-Imġarr, il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-differenza kbira u ċara li hemm bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna.
Saħaq kif fuq naħa għandek lill-Partit Nazzjonalista li jippromwovi politika ta’ negattività u qtigħ il-qalb, u fuq naħa oħra għandek lill-Partit Laburista jaħdem favur in-nies u jinvesti biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Fil-preżenza ta’ bosta anzjani, il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista, sena wara sena għolla l-pensjonijiet, b’kuntrast mas-snin ta’ qabel, meta Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu bil-kontra.
“X’Differenza minn meta f’dan il-pajjiż kien imexxi l-Partit Nazzjonalista, kien ikollok is-sena tal-elezzjoni u f’dik is-sena kienu jqassmu xi ħaġa, imma imbagħad erba’ snin ta’ ssikar taċ-ċintorin, t’awsterita u ta’ politika tad-dwejjaq. Aħna għadna lanqas għamilna l-ewwel sena fil-leġislatura u nagħtu benefiċċji wara benefiċċji lil kulħadd, b’garanzija li mhux biss ngħollu l-pensjonijiet sena wara sena imma nżidu l-benefiċċji ma’ aktar benefiċċji.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-Imġarr il-Prim Ministru ma naqasx li jsemmi l-qasam agrikolu u kif Gvern Laburista ma waqafx ikun ta’ spalla għall-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin li ġew milquta mill-isfidi internazzjonali.
Dr Abela rrefera għar-riforma li l-Gvern għamel f’dan is-settur u kif fil-passat ġie injorat minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
“Immur lura fis-snin u l-amministrazzjoni mmexxija mill-Partit Nazzjonalista għamlet riforma jekk tista’ ssejħilha hekk għax kienet riforma illi ġabet l-affarijiet agħar milli kienu qabel bdiet ir-riforma, irriformat il-kirjiet residenzjali, irriformaw il-kirjiet kummerċjali u ftit li xejn kellhom suċċess imma interessanti sew is-settur agrikolu evitawh kompletament jiġifieri l-liġi li kienet tikkontrolla l-qbiela għażlu li ma jirriformawhiex.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela, f’messaġġ ċar saħaq u appella biex flimkien bħala poplu Malti u Għawdxi nibqgħu mexjin ‘il quddiem fid-direzzjoni t-tajba u nwarrbu fil-ġenb lil dawk li jridu jiżirgħu f’pajjiżna mibegħda u negattività.
“Vera li ż-żmien għandu t-tendenza li jnessi imma l-Partit Nazzjonalista, baqa’ ma nbidel qatt u ara ma tħallux lil min ibihhilkom l-idea li l-attiviżmu politiku mhux importanti, li l-partiti politiċi huma l-istess għax mhumiex. Ara ma tħallu lil ħadd ibikkilkom l-idea li m’hemmx differenza bejn il-politika ta’ qiegħ il-qalb u l-fiduċja għax hemm differenza kbira.”
il-Prim Ministru Robert Abela