Infetħet l-ewwel librerija fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li hija mgħammra b’numru ta’ kotba, letteratura, volumi ta’ liġijiet u ġurnali online.
Din il-librerija se sservi ta’ spazju għal riċerka, taħriġ speċjalizzat, u bħala post fejn l-avukati fi ħdan l-uffiċċju jistgħu jirriċerkaw u jippreparaw bl-aħjar mod possibbli għall-qadi ta’ dmirijiethom.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, saħaq kif din il-librerija hija parti minn sensiela ta’ investiment li l-Gvern qed jagħmel fil-ġustizzja, inkluż fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Huwa fakkar kif ftit tax-xhur ilu, ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ dawk li jipprestaw servizz f’dan l-uffiċċju, u fix-xhur li ġejjin, se jkomplu jiġu ppreżentati iktar inizjattivi.
L-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, spjegat kif l-investiment f’dan l-uffiċċju huwa ċentrali fl-istrateġija li ġiet adottata għal dan l-uffiċċju, u b’dan l-investiment, għandha titjieb l-esperjenza tal-ħaddiema fi ħdan dawn l-uffiċini.
Preżenti għall-ftuħ tal-librerija kien hemm l-avukati, il-prokuraturi legali u l-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ġustizzja.