Li kieku l-Gvern ma għenx fl-enerġija, r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta matul Diċembru li għadda kienet kapaċi tlaħħaq it-12%.
Dan ingħad f’analiżi li għamlet il-gazzetta t-Torċa u li ppubblikat fil-faċċata tagħha.
It-Torċa rrimarkat li statistika tal-Eurostat qalet li kien f’Malta biss li l-prezz tad-dawl kif ukoll dak tal-petrol u d-diesel baqgħu stabbli, jiġifieri m’għolewx fl-aħħar sena.
Dan għal kontra ta’ dak li ġara madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn il-prezz tal-elettriku sal-aħħar tas-sena li għaddiet spara ’l fuq bi 30% meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan apparti li fl-Ewropa wkoll, il-prezz tad-diesel u l-petrol għola bi 8%.
Għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’Malta, fejn anki l-prezzijiet tal-fjuwil kienu raħsu fl-eqqel ta’ pandemija meta l-Gvern ta’ Robert Abela preżenta l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, fl-Unjoni Ewropea l-aktar li żdied il-prezz tal-elettriku kien fl-Italja, b’inflazzjoni ta’ 165%.
Il-gazzetta t-Torċa spjegat li l-għoli tal-ħajja fl-Italja ifisser li jekk persuna kienet tirċievi kont ta’ €100 fix-xahar ta’ Diċembru 2021, sena wara l-kont kien sar €265.
Dan meta s-sena ta’ qabel kien diġà hemm żieda fuq is-sena preċedenti.
Min-naħa l-oħra l-prezz tal-fjuwil fl-Italja tela’ b’3% biss sa Diċembru, għalkemm jidher li fix-xhur li ġejjin ser ikun hemm żidiet sostanzjali anke hawn minħabba li jispiċċaw ċertu inċentivi fiskali temporanji.
Il-pajjiż fejn l-aktar żdied il-prezz tal-fjuwil fl-aħħar tnax-il xahar kien l-Ungerija b’żieda ta’ 27%.
F’dan il-pajjiż il-prezz tal-elettriku żdied bi ftit anqas mill-medja Ewropea, b’żieda medja ta’ 28%.
It-Torċa żżid tanalizza li anki jekk il-Gvern Taljan u dak Ungeriż qed jgħinu ferm inqas mill-Gvern Malti, il-qagħda fiskali tagħhom kompliet sejra l-baħar.
L-awsterità mħaddna fl-Italja u l-Ungerija fil-fatt qed twassal għal dgħufija ekonomika tant li ġa fit-tielet kwart tas-sena, l-istatistika tal-Eurostat turi li l-ekonomija Unġeriża bdiet tiċkien, filwaqt li l-ewwel indikazzjonijiet huma li l-ekonomija Taljana bdiet tiċkien fl-aħħar kwart tas-sena.
“Minflok isaħħu l-finanzi pubbliċi għax qed joħorġu anqas sussidji, dawn il-Gvernijiet qed imorru minn taħt għax ekonomija dgħajfa qed tfisser anqas dħul għalihom. Fuq l-istess linja miexi l-Kap tal-Oppożizzjoni li fil-Kamra tal-Kummerċ tkellem kif l-għajnuna tal-Gvern Malti f’sussidju fl-enerġija mhiex sostenibbli”, sostniet il-gazzetta it-Torċa.
Bernard Grech: “Li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
L-analiżi tat-Torċa waslet propju ftit jiem wara li f’Kumitat Parlamentari, l-Assoċjazzjoni Ta’ Min Iħaddem innutat kif kieku l-Gvern ma tax l-għajnuna kbira fl-enerġija, l-inflazzjoni kienet tispara ’l fuq għall-familji u n-negozji.
Joe Farrugia: “Il-Gvern qed jissussidja l-enerġija għax kieku żgur illi anki hawn kien ikollna double digit inflation.”
L-istess sentiment esprimietu l-General Workers Union.
Josef Bugeja: “Kieku l-Gvern ma ntervjeniex u ma assorbiex il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil u taċ-ċereali, il-COLA kienet titla’ għal €23.”