Anzjan ta’ 77 sena minn Ħal Għaxaq jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident f’daru.
L-inċident seħħ illum għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Pietru Xuereb, Tal-Pietà.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li l-anzjan waqa’ waqt li kien tiela’ it-taraġ.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u ambulanza ħadet ir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.