L-eks Prim Ministru Alfred Sant enfasizza li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fil-qsim tal-piżijiet tal-immigranti li deħlin għadha mhux kompluta u tinsab wieqfa. Għal din ir-raġuni, it-tentattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex tikseb kompromess qed jinstema bħal kliem fieragħ. Huwa qal dan waqt diskussjoni tal-plenarja mal-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tħejjija tal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar, biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet sostenibbli fil-qasam tal-ażil u l-immigrazzjoni.
Il-MPE Laburista rrikonoxxa li filwaqt li l-azzjoni Ewropea dwar l-emerġenza tar-refuġjati Ukrajni kienet ammirevoli, dak is-suċċess serva biex jneħħi l-attenzzjoni minn fuq il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu solvuti dwar l-ażil u l-migrazzjoni mill-Afrika u l-Asja. Barra minn hekk, huwa wissa li dan qed iwwassal għal żieda fil-perċezzjonijiet barra l-Unjoni li l-Ewropa tapplika standards diskriminatorji inkwantu ta’ minn ikunu u minn fejn ikunu ġejjin l-immigranti.
Fl-2022, il-Frontex irrapportat 330,000 qsim irregolari fil-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa l-ogħla numru mill-2016 u żieda ta’ 64% meta ikkumparat mas-sena ta’ qabel.
Alfred Sant saħaq li l-politika komuni għall-immigrazzjoni regolari lejn l-Ewropa għadha qafas mhux żviluppat. Huwa ssuġġerixxa li jekk il-qafas tal-politika jingħaqad kif suppost jista’ jservi bħala tarka raġonevoli u effettiva biex tikkontrolla l-immigrazzjoni illegali.