B’SMS, telefonata jew messaġġ online, illum wieħed jista’ faċilment jissieħeb mal-Partit Laburista. Iżda dan mhux dejjem seta’ jkun possibbli.
ONE News tkellem ma’ Tony Agius Decelis, li ilu dawn l-aħħar 42 sena attivist mal-Partit Laburista. Spjegalna kif il-komunikazzjoni fil-Partit Laburista biex jitwassal il-messaġġ kienet issir f’forma differenti.
“Il-partit l-għeruq tiegħu dejjem kien jibża’ għalihom u kien b’kuntatt dirett man-nies fl-għeruq li kien jiġbor it-tesseri tiegħu. Teknoloġija m’ilhiex li żviluppat. Jien niftakar meta konna fiż-Żgħażagħ Soċjalisti, la kellna mobile, la kellna kompjuter. L-ewwel walkie-talkie kien fih qisu basket tal-iskola tal-lum. Dak niftakar, l-ewwel walkie-talkie, meta għamilna ‘Gotti 86’ fiż-żgħażagħ soċjalisti. Konna xtrajna żewġ walkie-talkies, daqshekk. Imbagħad bdiet tidħol it-teknoloġija u aħna, bħala partit, żviluppajna u mmodernizzajna ruħna.”
Tony Decelis spjega wkoll kif, minkejja l-limitazzjonijiet fir-riżorsi, il-kuntatt man-nies ma waqaf qatt grazzi għal diversi voluntiera u attivisti fil-Partit Laburista li ħadmu qatigħ biex dan il-Partit jinbidel, jikber, jirriforma u jsir id-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qalilna dan fi sfond ta’ sala mimlija oġġetti sentimentali li ngħataw minn għexieren ta’ attivisti biex ikunu għad-disponibilità tal-pubbliku s-Sibt bejn id-9 ta’ filgħodu u s-1 ta’ waranofsinhar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Ħafna nies ċemplulna u tawna l-aktar affarijiet għeżież għalihom, li ilhom jgħożżuhom għal snin sħaħ. Għada fid-disa’ ta’ filgħodu, dawk li jridu jilħqu ktieb memorabbli tal-Partit Laburista – kull min ġej hawnhekk se jkollu ktieb speċjali tal-100 sena tal-Partit Laburista li se jagħtih souvenir b’xejn lil dawk kollha li se jkunu hawnhekk.”
Wieħed jista’ wkoll iġedded is-sħubija tiegħu mal-Partit Laburista billi jċempel fuq 51602034 jew jibgħat SMS fuq 50619275, jew jissieħeb onlajn fuq www.partitlaburista.org.