Fl-erba’ snin li ġejjin, b’investiment massiċċ ta’ €173 miljun, se jsiru erba’ proġetti mis-settur privat li mistennija joħolqu aktar minn 441 post tax-xogħol ġdid.
Dawn il-proġetti se jsiru fil-Port Ħieles, bir-riġenerazzjoni tas-sit abbandunat tal-eks fabbrika Edible Oil fil-Marsa, b’investiment fis-sit ta’ Cortis f’Ħaż-Żebbuġ, u bil-proġett tal-lido tal-Fortina f’Tas-Sliema.
Wara li dawn il-proġetti ġew approvati mill-Kabinett, il-Ministru responsabbli mill-Artijiet, Silvio Schembri, se jressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Verifika erba’ riżoluzzjonijiet parlamentari biex jitnedew dawn l-erba’ proġetti.
Fi tlieta minn dawn il-proġetti diġà hemm il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u, f’każ ieħor – dak tal-Marsa – għad hemm il-proċess tal-ippjanar għaddej.
L-ewwel proġett se jsir fil-Port Ħieles, li sabiex jibqa’ port kompettitiv fil-Mediterran se jkun qiegħed ikabbar l-operat tiegħu permezz ta’ reklamazzjoni tal-art. Studji juru li, bir-rata ta’ tkabbir ta’ bħalissa, dan il-port se jkun laħaq il-kapaċita massima tiegħu sas-sena d-dieħla.
F’Terminal numru 2, din ir-reklamazzjoni tal-art se ssir b’espansjoni ta’ aktar minn 30,000 metru kwadru. Dan se jagħmilha possibbli li jittrakkaw bastimenti akbar f’dan il-port, li hu stmat li 85% tal-importazzjoni kollha ta’ pajjiżna tgħaddi minnu.
Dan il-proġett jinvolvi investiment finanzjarju sinifikanti ta’ kważi €103.8 miljun, li €55 miljun minnhom huma xogħlijiet finanzjarji u €48 miljun oħra huma marbuta max-xiri ta’ tagħmir ġdid.
Il-ftehim se jwassal biex il-Malta Freeport Terminals tirrinunzja d-dritt li tinstalla krejnijiet fil-biċċa l-aktar viċin tar-residenti, għax l-espansjoni se twassal biex l-attività fil-port se titmexxa aktar ’il bogħod mir-residenti ta’ Birżebbuġa.
Apparti minn hekk, dan il-ftehim se jwassal biex l-attività ta’ roll-on roll-off ma tkunx tista’ ssir bil-lejl, u b’hekk se jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti.
Il-ftehim se jwassal ukoll biex il-Malta Freeport Terminals se tagħti kontribuzzjoni addizzjonali ta’ €300,000 bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija biex jintużaw għal skopijiet soċjali f’Birżebbuġa.
Dan l-investiment fil-Port Ħieles se jwassal biex jinħolqu aktar minn 165 post tax-xogħol ġdid.

It-tieni proġett huwa dak fl-Imgieret fil-limiti tal-Marsa u Ħal Luqa, fejn hemm l-eks fabbrika tal-Edible Oil, fi proġett ta’ €50 miljun. Dan mistenni joħloq 200 post tax-xogħol ġdid.
Dan il-proġett jinvolvi r-riġenerazzjoni tas-sit abbandunat, b’total ta’ 44,000 metru kwadru, li se jikkonsisti fil-bini ta’ kumpless industrijali, fosthom imħażen u binjiet bħal uffiċini, faċilitajiet ta’ catering, day care centre, u ħwienet.
Biex dan l-investiment ikun jista’ jsir kellha titneħħa kundizzjoni li kien hemm fiċ-ċens oriġinali, dik li parti minll-binja kellha tintuża għal razzett tat-tiġieġ, u anki kundizzjoni li ma jistax isir bini fuq art intiża biss sabiex isservi għall-operat tal-vetturi.
Għat-tneħħija ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-konsorzju involut se jħallas somma ta’ ftit aktar minn €3 miljun u dan sar wara li saret valutazzjoni minn periti indipendenti mill-Awtorità tal-Artijiet.

It-tielet proġett huwa dak ta’ investiment ta’ €12-il miljun sabiex isir supermarket fi Triq l-Imdina u f’fabbrika tal-injam fi Triq Ħ’Attard, f’Ħaż-Żebbuġ.
Hawnhekk, skont il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, se jitwaqqgħu l-istrutturi kollha eżistenti, titħaffer l-art biex jinħolqu ġibjuni, isiru strutturi taħt il-livell tat-triq għall-użu kummerċjali u industrijali, jinħoloq spazju għall-parkeġġ taħt il-livell tat-triq, u jsiru spazju ta’ parkeġġ u supermarket.
Il-kumpanija Central Business Centre Ltd se jteħu b’titlu ta’ ċens art ta’ 1,400 metru kwadru għal 65 sena.
Permezz ta’ dan il-proġett se jinħolqu 46 post tax-xogħol ġdid.
Il-mitħna li tinsab fl-istess żona u l-art ta’ madwarha se jibqgħu mhux mittiefsa u se jibqgħu proprjetà tal-Gvern.

L-aħħar proġett huwa dak tal-proġett tal-Lido Fortina, fejn b’investiment ta’ €7 miljun se ssir riklamazzjoni tal-art għat-titjib tal-lido eżistenti.
Permezz ta’ dan il-proġett se titneħħa l-pixxina li hemm bħalissa u tinbena oħra minflokha. Barra minn hekk, se jinbena ristorant u tinħoloq pjazza max-xatt fejn bħalissa hemm ristorant.
F’din il-pjazza se jsir ġnien u jiġu installati bankijiet biex jintużaw mill-pubbliku, b’mod ukoll li titgawda l-veduta tal-Belt.

L-investituri huma obbligati li jibnu passaġġ għall-użu tal-pubbliku f’kull ħin bħala estensjoni tal-passaġġ li diġà hemm max-Xatt ta’ Tigne, u dan għandu jdur mal-periferija tal-lido l-ġdid.
Dan il-proġett jinkludi wkoll li l-mollijiet temporanji fuq il-wiċċ tal-baħar, li jiżżarmaw fix-xitwa.
Dwar dan il-proġetti massiċċi mill-privat, ONE News tkellem mal-Ministru Silvio Schembri.
“Is-sabiħ tiegħu huwa li jkompli jimxi mal-politika tal-Gvern li, kemm jista’ jkun, naraw li proġetti ġodda ma jiedux art verġni. Dawn l-erba’ proġetti, l-ebda art addizzjonali jew ODZ mhu se tkun qed tittieħed, iżda dawn il-proġetti se jsiru fuq proprjetà li diġà mibnija u bini antik, li se jitwaqqa’ u jerġa’ jiġi riġenerat, u dik se tkompli tgħin sabiex naraw li l-prodott – jekk hux mill-aspett ta’ manifattura, jekk hux mill-aspett turistiku, mill-aspett ekonomiku b’mod ġenerali – li nkomplu ntejbuh.”
Il-Ministru Schembri qal li dan huwa messaġġ b’saħħtu ta’ kemm is-settur privat għandu fiduċja fit-tmexxija ekonomiku ta’ pajjiżna.