Il-Gvern se jissokta bil-ħidma sfiqa favur aktar sigurtà fit-toroq tagħna.
Il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, qal li filwaqt li kampanji ta’ tagħlim u informazzjoni se jiżdiedu, se jkun eħrex id-deterrent għal dawk il-kontravenzjonijiet li qed ikunu l-kaġun ta’ ħafna inċidenti. Huwa ħabbar kif se jkunu qed jiżdiedu l-pieni fil-ġimgħat li ġejjin għal dan il-għan.
Meta kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċċji tat-Transport Malta f’Ħal Lija, huwa ħabbar ukoll erba’ muturi ġodda għall-uffiċjali tal-infurzar, b’investiment ta’ €120,000. Dawn il-muturi żdiedu mal-flotta eżistenti ta’ 14-il mutur. Iż-żieda ta’ dawn il-muturi se twassal għal aktar infurzar u assistenza, b’inqas ħin ta’ stennija meta uffiċjali tal-Awtorità jassistu lis-sewwieqa.
Tul is-sena li għaddiet, it-Transport Malta rat żieda fl-operat. tagħha Fost l-oħrajn ġiet introdotta taqsima tal-Operations Response Unit u żdiedu r-Roadside Inspections, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Saru ukoll numru ta’ ispezzjonijiet fit-toroq b’mod konġunt ma’ numru ta’ entitajiet oħra. Dan kollu wassal biex inħarġu 24,500 ċitazzjoni u nġbru 607 vettura li ma kinux konformi mar-regolamenti tat-traffiku. Barra minn hekk, fl-aħħar xhur, ingħata ħafna aktar taħriġ lill-uffiċjali tal-infurzar.
Fi kliem il-Ministru Farrugia, “il-pajjiż għaddej minn bidliet demografiċi u ħajja iktar mgħaġġla. Bħal kull pajjiż ieħor għandna sfidi kbar fit-toroq tagħna u dawn qed jiġu indirizzati permezz ta’ ħafna azzjonijiet, inkluż l-inġinerija u d-disinn tat-toroq tagħna, it-tagħlim, l-infurzar u deterrent ikbar għal min sal-bieraħ kien iħoss li l-abbuż hu n-norma. Kull ċittadin hu responsabbli mis-sigurtà fit-toroq tagħna. Il-Gvern qed jagħmel xogħolu permezz ta’ dan il-pjan komprensiv u llum qed nimxu biċċa oħra.”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, id-Direttur għall-Infurzar Patrick Pollacco, u ċ-Chief Officer Pierre Montebello.
Dan huwa eleku tal-kontravenzjonijiet, skont it-tip ta’ kontravenzjoni, u kif se jinbidlu l-pieni fil-ġimgħat li ġejjin.
Kontravenzjoni | Bħalissa | Kif se tinbidel |
Sewqan fuq dawl aħmar | €100 | €200 |
No-entry | €46.59 | €75 |
Sewqan eċċessiv b’iktar minn 15km/h ‘l fuq mil-limitu | €69.88 | €100 |
Ġarr u tgħabija ta’ vireg jew xbieki tal-ħadid li ma jkunux imwaħħlin sew | €116.47 | €200 |
Nuqqas ta’ użu ta’ tailboard, spillage jew vettura mgħobbija żżejjed | €46.69 | Mhux aktar minn €250, iżda mhux inqas minn €500 |
Ingombru (li issa se tkun tinkludi slipways u mollijiet) emenda fi tifsira | €104.82 | €104.82 |
Ostaklu b’vetturi li jikkaġuna t-traffiku – emenda | €104.82 | €104.82 |
Tgħabbija ta’ aktar passiġġieri minn kemm permissibbli | €11.65 | €50 (ghal kull persuna) |
Użu ta’ vettura differenti minn dak permess skont il-liċenzja fil-kazijiet ta’ kiri jew kumpens | €34.94 | €200 |
Użu ta’ mobile, użu ta’ earphones jew over-ear headphones fil-widna li mhux lejn in-naħa tat-tieqa waqt li tkun wieqaf jew fi traffiku għal muturi, mopeds, ekickscooters jew vetturi ta’ karegorija L, M1 jew N1 | €100 | €200 |
Użu ta’ mobile, użu ta’ earphones jew over-ear headphones fil-widna lejn in-naħa tat-tieqa waqt li tkun wieqaf jew fi traffiku għal vetturi ta’ karegorija N2, N3, M2 u M3 u fejn hemm tagħbija ta’ passiġġieri għall-kiri jew profitt. | €100 | €300 |
Tnaqqis ta’ punti bħalissa | Kif se tinbidel | |
Użu ta’ mobile | 3-6 | 6-9 |
Użu ta’ headphones waqt is-sewqan | 3-6 | 6-9 |