Shaun Farrugia ta’ 32 sena tqiegħed taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u ġie ordnat 480 siegħa xogħol fil-komunità.
Huwa nstab ħati li f’Lulju li għadda għamel rapport falz lill-Pulizija waqt li kien taħt l-effett tax-xorb f’Tas-Sliema.
Huwa nstab ħati wkoll li kkaġuna biża’.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, intqal li l-każ seħħ fit-30 ta’ Lulju tal-2022 għall-ħabta tat-3am, meta Farrugia tkeċċa minn stabbiliment għax kien fis-sakra.
Huwa reġa’ talab lill-bouncer biex idaħħlu għax ħalla xi affarijiet warajh. Meta dan ma tħalliex jidħol, huwa ċempel lill-Pulizija u qalilhom li kien hemm bomba fil-ħanut.
L-istabbiliment kellu jiġi evakwat sakemm ġie aċċertat mill-Forzi Armati ta’ Malta li ma kienx hemm bombi.
Għall-Qorti, dan hu reat serju li sarraf f’ħafna xogħol u spejjeż għall-Korp tal-Pulizija u lill-Armata Maltija.
Huwa tqiegħed taħt ordni ta’ probation biex jindirizza l-problemi f’ħajtu, fosthom il-vizzju tax-xorb.
Il-Maġistrat qalet li bix-xogħol fil-komunità fl-istess post se jikkumpensa lis-soċjetà għad-dannu li għamel.