FL-2022, b’mod ġenerali, 39% tan-negozji f’pajjiżna marru aħjar mis-sena ta’ qabel il-pandemija, jiġifieri fl-2019. Dan filwaqt li minkejja l-isfidi kkaġunati mill-gwerra fl-Ukrajna, 21% tan-negozji Maltin għandhom pjanijiet li jespandu.
Xehdu dan l-andament pożittiv, ċifri minn stħarriġ mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji bħala parti mill-kunċett ta’ barometru għal dan il-qasam. Stħarriġ li sar fil-bidu ta’ din is-sena u li nvolva ‘l fuq minn 230 negozju.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-uffiċini tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, ġew spjegati ċ-ċifri wara dan l-istħarriġ flimkien mar-raġunijiet warajhom, fosthom l-għajnuna tal-Gvern permezz tas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija.
Fost oħrajn, ħareġ kif id-dħul tan-negozji fl-2022 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel kien wieħed pożittiv. Fil-fatt, id-dħul għan-negozji żdied b’10% għal 24% tan-negozji, filwaqt li żdied b’20% għal 20% tan-negozji li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.
Saħansitra 16% tan-negozji raw żieda fid-dħul tagħhom ta’ aktar minn 30%. 22% tan-negozji ma raw l-ebda tnaqqis fid-dħul meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan iffisser li l-maġġoranza tan-negozji f’pajjiżna, jiġifieri 60% raw żieda fid-dħul tagħhom fuq is-sena ta’ qabel.
Tul il-konferenza intqal kif din iż-żieda kient attribwita għal diversi fatturi fosthom it-tmiem għar-restrizzjonijiet tal-pandemija, aktar stabbilta u saħansitra aktar ottimiżmu fil-qasam
Intant l-istħarriġ mill-Kamra tan-Negozi Żgħar u Medji wera wkoll kif meta mqabbel mas-sena li għaddiet il-maġġoranza tan-negozji raw aktar profitti. Dawn in-negozji jammontaw għal 39% filwaqt 36% raw l-istess profitti tal-2019.
Meta mqabbel mal-2019, jiġifieri l-aqwa sena għat-turiżmu fl-istorja ta’ pajjiżna, fuq bażi ġenerali din is-sena, 39% tan-negozji marru aħjar.
L-istħarriġ tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tratta wkoll l-andament tul iż-żmien ta’ festi tal-2022. Fil-fatt 29% tan-negozji raw żieda ta’ 10% fl-andament tagħhom, 14% raw żieda ta’ 20% filwaqt li 10% raw saħansitra żieda ta’ 30% fl-andament tagħhom, fuq is-sena ta’ qabel.
23% tan-negozji raw l-istess andament tal-istess perjodu fl-2021.
Dan ifisser li b’mod ġenerali, 53% tan-negozji raw titjib fuq l-andament tas-sena ta’ qabel filwaqt li 23% baqgħu bl-istess andament.
In-negozjanti li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ ġew mistoqsija wkoll dwar l-ottimiżmu tagħhom fil-bidu ta’ dan is-sena.
35% kienu sodisfatti bl-andament filwaqt li 8% huma saħansitra sodisfatti ħafna. 32% tan-negozji jkejjlu l-ottimiżmu tagħhom bħala wieħed newtrali.
Dwar l-aspettettativa tagħhom għall-2023, 39% tan-negozji sostnew li din is-sena se tkun waħda aħjar mill-2022 filwaqt li 43% sostnew li din is-sena se tkun l-istess bħal ta’ qabilha.
L-istess stħarriġ, staqsa wkoll dwar il-pjanijiet tan-negozji f’pajjiżna għall-futur. Minkejja ż-żminijiet ta’ sfida li għaddejjin minnhom primarjament minħabba l-Gwerra fl-Ukrajna, 21% tan-negozji f’pajjiżna sostnew li għandhom pjanijiet li jespandu n-negozju tagħhom.