Stħarriġ li sar fost mitt negozju tal-familja f’pajjiżna mill-Kumitat għan-Negozji tal-Familji fi ħdan il-Kamra tal-kummerċ wera li fost l-ogħla prijoritajiet għal dawn in-negozji hemm dawk li jżommu l-ħaddiema magħhom, li jtejbu l-profitti tagħhom, u li jtejbu l-istruttura organizzattiva tagħhom, anke permezz ta’ investimenti f’oqsma diġitali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kamra tal-Kummerċ u li indirizzatha wkoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli.
Dwar dan l-istħarriġ ONE News tkellem ma’ Silvan Mifsud, li huwa ċ-chairperson tal-Kumitat għan-Negozji tal-Familji fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ.
Huwa spjega l-punti saljenti ta’ dan l-istħarriġ li indika kif, fost l-oħrajn, il-maġġoranza tan-negozji tal-familja f’pajjiżna għandhom pjan strateġiku mħejji jew inkella għandhom l-intenzjoni li jħejju wieħed.
Irrimarka wkoll kif, b’mod pożittiv, in-negozji ta’ dan it-tip f’pajjiżna qed jimxu ’l quddiem lejn investimenti fid-diġitalizzazzjoni u dawk favur l-ambjent u favur aktar sostenibbiltà.
Qal, “L-importanza akbar li qed jagħtu lejn l-ambjent. Qed jifhmu dejjem aktar li, biex ikunu kompettitivi u biex ikollhom impatt inqas fl-operat tagħhom fuq l-ambjent u jnaqqsu l-ispejjeż – għax ċerti soluzzjonjiet ambjentali, minkejja li jitolbu investiment, tnaqqas l-ispejjeż rikorrenti. L-ispejjeż rikorrenti fl-enerġija, l-ispejjeż rikorrenti fil-ħela tal-enerġija wkoll, qed jagħtuhom importanza akbar.”
Mifsud faħħar ukoll l-iskemi tal-Gvern, fosthom dawk li qed jingħataw permezz tal-Malta Enterprise, li qed ikunu ta’ xprun importanti biex dan isir.
Qal, “Huwa importanti ħafna li l-family businesses iġibu l-għajnuna professjonali li hemm bżonn biex tgħinhom jersqu lejn dawn l-iskemi u jagħmlu l-massimu minnhom, għaliex dawn huma żewġ oqsma li se jgħinu lill-family businesses ilestu ruħhom u jkunu attrezzati għall-futur.”
Rabtet ma’ dan ukoll il-Ministru Miriam Dalli fl-indirizz li għamlet waqt il-preżentazzjoni ta’ dan l-istħarriġ. Hija sostniet li, fost oħrajn, hemm skema li tgħin lin-negozji tal-familji fi żminijiet ta’ tranż,izzjoni u anke b’servizzi ta’ medjazzjoni u konsulenza.
Qalet, “Rajna kif ngħinu wkoll fejn tidħol konsulenza, fejn tidħol medjazzjoni, kif nistgħu naċċertaw u ninċentivaw it-trasferiment ta’ business tal-familja minn ġenerazzjoni għall-oħra inter vivos, meta l-ewwel ġenerazzjoni tkun għadha ħajja, għaliex nemmnu li b’dak il-mod meta inti jkollok pjan strateġiku ta’ fejn trid tmur – pjan ta’ suċċessjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra – nistgħu verament naċċessaw is-suċċess ta’ dan it-tip ta’ negozji f’pajjiżna.”
Il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza tal-għajnuna tal-Gvern għan-negozji tal-familja, u qalet li n-negozji ta’ dan it-tip huma parti kruċjali mill-ekonomija ta’ pajjiżna.