In-nefqa medja tat-turisti f’pajjiżna fir-raba kwart tas-sena li għaddiet qabżet dik tal-2019 b’9.4 fil-mija.
Dan ħareġ minn stħarriġ dwar il-lukandi kkummissjonat mill-MHRA u li wettqet il-kumpanija Deloitte għar-raba’ kwart tas-sena li għaddjiet, li kompla jikkonferma l-irkupru b’saħħtu ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
L-istħarriġ wera li, minkejja l-ewwel tliet xhur ta’ restrizzjonijiet fl-2022 minħabba l-varjant tal-Omicron tal-Covid-19, in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna tul is-sena kollha laħqet 91 fil-mija ta’ dik tal-2019.
L-2019 hija meqjusa l-aqwa sena għat-turiżmu f’pajjiżna s’issa.
Fil-fatt, in-nefqa medja tat-turisti fl-2022 kienet ta’ kważi mija tnejn u għoxrin ewro kuljum.
It-tul ta’ ġita medja tat-turisti f’pajjiżna fl-2022 wkoll kien ogħla minn dak tal-2019, filwaqt li l-iljieli kumulattivi f’pajjiżna laħqu ’l fuq minn ħamsa u tmenin fil-mija ta’ dawk tal-2019.
Intant, minkejja x-xhur batuti minħabba r-restrizzjonijiet tal-varjant Omicron tal-Covid-19, l-istħarriġ li għamlet id-Deloitte innota l-irkupru b’saħħtu tas-settur turistiku f’pajjiżna hekk kif, fuq bażi kumulattiva, il-wasliet tat-turisti f’pajjiżna s-sena li għaddiet laħqu 83 fil-mija tal-2019.
Dwar dan, il-President tal-MHRA, Tony Zahra, sostna li s-settur tal-ospitalità miexi fit-triq it-tajba ta’ rkupru. Huwa attribwixxa dan ukoll għad-deċiżjoni f’waqtha tal-Gvern li jissussidja ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Tenna wkoll li anki l-prospetti għal din is-sena huma pożittivi.
Qal, “Aħna issa wasalna kważi għall-istess numru tat-2019 meta tqabbel il-perjodu ta’ wara Marzu, April sa Diċembru tal-2019 ma’ April sa Diċembru tal-2022. Pożittiva ħafna u nisperaw li l-2023 tkun tajba wkoll.”
Intant, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li hawn il-fatti jitkellmu waħedhom favur ir-reżiljenza ta’ dan is-settur.
Madankollu, irrimarka wkoll li fadal xi jsir sabiex dan l-irkupru jibqa’ miexi bl-istess ritmu b’saħħtu. Dan partikolarment billi titjieb il-konnettività għall-gżiritna, partikolarment bl-ajru.
Qal, “Qed naraw ukoll li, għal din is-sena, inkomplu nibnu fuq dan is-suċċess li ksibna s-sena li għaddiet. It-targets inizjali tas-sena li għaddiet kienu dak li jkollna miljun u tmien mitt elf turist f’pajjiżna f’9 xhur għaliex fl-ewwel 3 xhur tas-sena li għaddiet konnha għadna prattikament magħluqin minħabba l-varjant tal-Omicron. Iżda dan ma kienx biżżejjed: ridna li mmorru għal żewġ miljun u mitejn elf turist u issa l-ewwel indikazzjonijiet huma li saħansitra dan it-target inqabeż u allura dan juri s-suċċess tagħna ta’ dan l-irkupru.”