Terremot b’qawwa ta’ 5.1 fuq l-iskala Richter inħass ilbieraħ minn bosta lokalitajiet f’Malta u Għawdex. It-terremot seħħ ftit qabel id-disgħa ta’ filgħaxija u kien lokalizzat fil-baħar.
Kienu bosta dawk li kkummentaw fuq il-mezzi soċjali li ħassew għamara tiċċaqlaq, jew li din kienet l-ewwel darba li ħassew xi theżżiża, mis-sensiela li qed jiġu rreġistrati dan l-aħħar.
Skont iċ-ċentru sismiku tal-Università ta’ Malta, it-terremot seħħ fil-baħar u kien 10km fond, b’epiċentru li kien 113km bogħod min-Nofsinhar ta’ Malta.
Terretmot ieħor seħħ fl-istess zona għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ dalgħodu. Din id-darba, kejjel 4.8 fuq l-iskala Richter.
Il-kap tal-grupp sismiku fl-Universita ta’ Malta, il-Prof. Pauline Galea, qalet fuq l-istazzjon ONE li dan hu fenomenu li jiġri relattivament spiss qrib pajjiżna.
Intant l-awtoritajiet, u partikolarment il-Protezzjoni Ċivili, jinsabu ppreparati għal kull eventwalità, remota kemm hi remota.
Segwi aktar f’din l-intervista li ONE News għamel maċ-Chief Assistance Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, Anthony Pisani.