Aktar minn 4,000 student li jattendu fl-iskejjel sekondarji kellhom l-opportunità sabiex, taħt saqaf wieħed, jiltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet, u għaqdiet li jistgħu jkomplu l-karriera tagħhom magħhom fis-snin li ġejjin.
Fost l-oħrajn, fl-MFCC Ta’ Qali għall-attività IChoose, kien hemm 67 rappreżentant differenti, fosthom tal-Junior College, tal-MCAST, tal-Aġenzija Żgħażagħ, tad-dipartimenti tal-lingwi, tal-Forzi Armati ta’ Malta, u tal-oqsma tas-saħħa, tat-turiżmu, tat-teknoloġija, tal-isport, tal-arti, u ħafna aktar.
Fi żjara li għamel fil-preżenza ta’ bosta studenti u edukaturi, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li inizjattiva bħal dik tal-lum hija importanti ferm għax turi toroq differenti li jistgħu jwasslu lill-istudenti għall-iżvilupp sħiħ tagħhom.
Qal, “Qed naraw din l-inizjattiva, li mistennija tattira mal-4,000 student, li jkunu qed jiltaqgħu ma’ career advisers, ma’ nies li huma professjonisti, nies li diġà għamlu suċċess fis-setturi differenti tagħhom, u allura nkunu qed nassiguraw li s-sistema edukattiva tagħti l-għodda kollha neċessarja lill-istess studenti sabiex jagħżlu t-triq li fl-aħħar twassalhom biex jieħdu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”
Audrey Buhagiar, li fl-MFCC kienet qed tirrapreżenta lill-ITS, saħqet li IChoose hija opportunità importanti ferm biex huma jkunu jistgħu jitkellmu mal-istudenti u juruhom x’korsijiet joffru.
Qalet, “Hawnhekk għandna ħafna studenti li jkollhom interess li jiġu hawnhekk u jkunu jafu aħna x’noffru. Ikun hawn anke nies li jaħsbu li aħna għadna noffru korsijiet relatati mal-kċejjen biss li dan mhux minnu. Aħna noffru ħafna korsijiet relatati mal-maniġment, diving u opportunitajiet differenti. Din hija opportunità biex kollha nwasslu l-messaġġ lill-istudenti.”
L-inizjattiva Ichoose għandha għaddejja sal-Ġimgħa 3 ta’ Frar.