Il-Maltin huma fost l-aktar nies fid-dinja li jgħixu ħafna.
Dan ħareġ minn studju li wettqu riċerkaturi tas-sit ‘Our World in Data’ fl-Università ta’ Oxford, li poġġew lil Malta fis-seba’ post minn fost il-pajjiżi kollha ta’ dinja li għandhom il-popolazzjoni tagħhom tgħix fit-tul.
Fil-fatt, skont dan l-istħarriġ, il-medja ta’ kemm jgħixu n-nies f’pajjiżna kienet ta’ kważi erbgħa u tmenin sena.
Ir-riċerka uffiċjali, li saret fl-2021, turi li fl-ewwel post hemm Monaco, bin-nies ta’ dan il-pajjiż ċkejken jgħixu sa kważi 86 sena. Wara hemm Hong Kong, il-Macao, il-Ġappun, l-Awstralja, u l-Iżvezja. Wara Malta, imbagħad, hemm il-Korea t’Isfel, il-Liechtenstein, u n-Norveġja.
Pajjiżi kbar bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti ma kklassifikawx mal-ewwel tletin pajjiż fuq il-lista. Fir-Renju Unit, in-nies jgħixu sa medja ta’ aktar minn tmenin sena u għalhekk il-pajjiż jinsab fl-erbgħa u tletin post fuq il-lista. L-Amerika tinsab fid-disgħa u sittin post, bin-nies jgħixu sa medja ta’ sebgħa u sebgħin sena.
Ir-riċerkaturi qalu li wieħed mill-fatti ewlenin għaliex in-nies jgħixu ħafna hija s-saħħa u kemm il-qasam tas-saħħa f’dawn il-pajjiżi huwa wieħed effiċjenti u professjonali.
Fuq in-naħa l-oħra tal-lista hemm il-pajjiżi li għandhom in-nies tagħhom li jgħixu l-anqas fid-dinja, fil-maġġoranza tagħhom pajjiżi Afrikani.
Fl-aħħar post hemm iċ-Chad, bin-nies ta’ dan il-pajjiż jgħixu medja ta’ 52 sena. Wara hemm in-Niġerja, Ii-Lesotho, is-Somalja, il-Mali, u oħrajn.
Ir-riċerka wriet kif, aktar ma jgħaddi ż-żmien, in-nies qed jgħixu aktar, minħabba li s-servizzi tas-saħħa qed jitjiebu madwar id-dinja.
L-aħħar studju dwar kemm huma mistennija jgħixu fit-tul in-nies kien sar fl-2015, u wera li l-Kanada u pajjiżi Ewropej qabżu l-età ta’ tmenin sena, filwaqt li l-Afrikani jgħixu sa medja ta’ 50 sena.
Fl-aħħar snin, ż-żieda fir-rata ta’ nies li jgħixu aktar naqset f’pajjiżi fejn, ras għal ras, in-nies għandhom dħul ogħla.