Michael Meilak ta’ 60 sena mir-Rabat Għawdex instab mejjet f’karreġjata privata, li tinsab fi Triq il-Knisja, l-Għasri, Għawdex.
Il-Pulizija ġiet infurmata dalgħodu għall-ħabta tal-10:30 li ġie nnutat raġel bla ħajja mal-art.
Qraba li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li Meilak instab b’widintu mtajra.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li marret mill-ewwel fil-post indikat fejn instab raġel bi ġrieħi viżibli f’rasu.
Tim mediku pprova jassisti l-vittma imma sfortunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Awtopsja fuq il-katavru mistennija titfa aktar dawl fuq il-kawża tal-mewt.
Intant, rapporti qed jgħidu li l-qraba tar-raġel ġew infurmati u ntalbu biex jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet.