13:50 – Il-Qorti se tkompli tisma’ dan il-każ fid-disgħa ta’ Frar fil-ħdax u kwart, u b’hekk ġiet fi tmiemha s-seduta tal-lum. Hekk kif l-imputat kien miexi lejn il-bieb tal-awla eskortat mill-Pulizija, xi qraba tal-vittma instemgħu jgħidu lill-imputat “Rot in hell.”
13:28 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ jixhed il-Pulizija li kien mal-imputat sa wara li ġie arrestat. Huwa stqarr li Camilleri beda jheddu, hekk kif allegatament qallu li għandu snienu jaqtgħu ħafna, u li kien qed jimmemorizza wiċċu sabiex wara li jitlesta kollox, isibu.
13:16 – Id-difiża staqsiet lix-xhieda biex jiddiskrivi l-imġieba tal-imputat, u huwa qabel mal-kollega tiegħu li xehed ftit qabel, u qal li ma kienx normali, u agressiv ħafna.
13:12 – Fil-Qorti xehed ukoll Pulizija li arresta lil Camilleri. Huwa stqarr li meta wasal fuq il-post, il-persuni li kienu hemm kienu kollha qed jibżgħu mill-imputat. Qal li meta ħareġ mill-karozza, sema’ lill-imputat jgħid “Watch me fight the police.”
Għalhekk, il-Pulizija mill-ewwel beda jimxi bil-mod lejn l-imputat, u qallu biex jikkalma, iżda Camilleri allegatament qallu biex jersaq lejh, u għolla idejh lejn wiċċu biex jipprepara għall-ġlied. Kien hawn li kellu jintuża taser sabiex jiġi arrestat l-imputat, u wara li ġie mgħarraf li jinsab taħt arrest, l-imputat allegatament beda jistaqsi fejn qiegħdin tat-TVM, għax ried isir famuż.
13:02 – Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur qal li meta kien fl-emerġenza, Jeremie Camilleri tkellem ma’ tabib, u allegatament qallu li huwa ried iweġġa’ lil xi ħadd. Allegatament staqsa wkoll lit-tabib x’kienet l-agħar ħaġa li qatt ġrat f’Malta.
Ġie deskritt ukoll kif dakinhar tar-reat, Camilleri ltaqa’ mal-eks tfajla tiegħu, u filgħaxija, siegħa qabel ma seħħ il-qtil, Camilleri allegatament bagħat voice recording lit-tfajla tiegħu iżda ħassru immedjatament. Il-Pulizija rnexxielha ġġib lura dan ir-recording xorta waħda, u hawn allegatament instema’ jgħid lit-tfajla tiegħu li l-għada se jkun fuq l-aħbarjiet.
12:28 – Intqal ukoll li meta Camilleri allegatament beda jgara l-ġebel fuq il-vittma li kienet wiċċha ‘l isfel mitlufa minn sensiha, kien hemm persuni li pruvaw iwaqqfuh, u wieħed minnhom intlaqat minn ġebla f’daru li allegatament garalu Camilleri.
12:21 – L-Ispettur xehed li kien hemm numru ta’ persuni li raw karozza tal-għamla BMW issuq direttament fl-istabbiliment, u kif ħareġ, Jeremie Camilleri allegatament agredixxa numru ta’ xhieda, u anke ta daqqa f’ras mara oħra.
Meta bdew jinstemgħu is-sireni tal-Pulizija, ix-xhieda qalu li l-imputat allegatament qalilhom “Watch me fight the police.” L-Ispettur Zahra xehed ukoll li meta ġie mitkellem mill-Pulizija, l-imputat qal li huwa kien ix-xufier tal-karozza, u kien jaf anke n-number plate tal-vettura.
Ġie spjegat ukoll kif l-imputat u l-vittma t-tnejn li huma kienu sejrin fl-istess direzzjoni, hekk kif kienu sejrin lejn Ta’ Sliema. L-Ispettur qal li filwaqt li Kaya kienet miexja fuq il-bankina, l-imputat allegatament biddel id-direzzjoni li kien qed isuq fiha, u kien hawn li ħabat fil-vittma u l-istabbiliment KFC.
12:13 – L-Ispettur stqarr li Kaya ġiet identifikata mill-għarus tagħha. Spjega li huwa kien wasal f’pajjiżna ftit sigħat qabel id-delitt. Meta mar biex jiltaqa’ mat-tfajla tiegħu, huwa ltaqa’ ma numru ta’ Pulizija, u qalilhom li t-tfajla tiegħu ma kinitx qed tirrispondi t-telefonati tiegħu.
Kien hawn li l-Pulizija qalulu biex jerġa’ jċempel li t-tfajla tiegħu, u meta raw li l-mobile li kien hemm biswit il-vittma beda jdoqq, huwa nduna li t-tfajla tiegħu kienet il-vittma.
12:12 – Fil-Qorti qed jixhed l-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidji. Huwa qal li għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin għaxra ta’ filgħodu dakinhar tar-reat, daħallu rapport li karozza baqgħet dieħla fi stabbiliment tal-KFC.
Stqarr li skont persuni li kienu fuq il-post, ix-xufier tal-karozza ħareġ mill-vettura eżatt wara li ħabat, u beda jgara l-ġebel lil persuni oħra fit-triq, u anke lill-vittma, li kienet mitlufa minn sensiha u f’periklu imminenti li tmut.
Huwa ddeskriva x-xena tad-delitt, fejn stqarr li mal-art kien hemm numru ta’ affarjiet tal-vittma, fosthom ġakketta, mobile u pakkett sigaretti.
12:00 – Fl-awla daħal l-imputat Jeremie Camilleri, li għadu kif iddikjara li huwa ma jifhimx il-Malti, u għalhekk il-proċeduri se jkomplu bil-Malti u l-Qorti se taħtar interpretu sabiex jinterpreta l-proċeduri mill-Malti għall-Ingliż.
Il-Qorti qed taħtar ukoll interpretu li se jittraduċi mill-Malti għall-Ingliż, u ieħor li se jinterpreta mill-Ingliż għat-Tork sabiex jinterpreta l-proċeduri għall-qraba ta’ Kaya.
11:55 – Fl-awla hemm preżenti bosta qraba tal-vittma, li qabel bdiet il-kumpilazzjoni huma żaru fejn seħħ il-każ.
F’Awla 10 se tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Jeremie Camilleri, li huwa mixli bil-qtil volontarju ta’ Pelin Kaya aktar kmieni dan ix-xahar.
Huwa kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u kien inżamm taħt arrest. Hu kien għaddej b’kura psikjatrika b’rabta mal-abbuż ta’ droga u alkoħol.
Aktar kmieni llum, omm il-vittma, flimkien ma’ oħta u qraba oħra żaru l-post fejn inqatlet Kaya.
Filmat: Newsbook