Floriana sfaw miżmuma fid-draw diżappuntanti ta’ mingħajr gowls mill-ġirien iżda rivali, Valletta u dan għalkemm lagħbu għal iktar minn taqsima sħiħa bi player iktar, waqt li fil-ħin miżjud kellhom vantaġġ ta’ żewg players fil-ground hekk kif tkeċċa wkoll Enmy Manuel Pena Beltre għall-Beltin.
B’hekk huma naqsu milli jiksbu l-punti massimi meta kellhom plejer iktar fil-pitch għat-tielet darba matul dan l-istaġun wara draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk u telfa ta’ 2-1 kontra Birkirkara fil-partita preċedenti.
Kienu Valletta li ħolqu l-ewwel periklu fir-raba’ minuta meta Federico Falcone avvanza tajjeb, xeħet kross fil-baxx għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-18-il minuta il-player żagħżugħ Andrea Zammit kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu minn barra l-kaxxa li ntemm ftit barra, bil-goalkeeper Bulgaru tal-Greens, Georgi Kitanov, megħlub għal kollox.
Floriana wieġbu għall-ewwel darba fil-21 minuta meta huma approfittaw minn indeċiżjoni ta’ Enzo Ruiz, fid-difiża, bil-ballun jasal għand Kemar Reid li kellu l-konklużjoni tiegħu minn pożizzjoni ferm ideali tiġi salvata tajjeb mill-goalkeeper Taljan tal-Lilywhites, Alessandro Guarnone. Dan sabiex minuta biss wara Andrea Zammit għat-tim mill-kapitali prova jaħsad lil Kitanov permezz ta’ freekick insidjuż, bil-ballun iżda jintemm fuq is-saqaf tax-xibka.
Fis-27 minuta, Floriana pprotestaw għall-penalty meta deher li kien hemm kuntatt fil-kaxxa bejn Enzo Ruiz u Adam Magri Overend, iżda r-referee Matthew De Gabriele ħalla l-logħob għaddej.
Kompliet tikber id-drama fil-partita u fit-32 minuta Valletta qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-captain Rowen Muscat permezz ta’ karta ħamra diretta, għalkemm hu diġá kellu karta safra, wara foul ta’ ritaljazzjoni minn mal-art fuq Jose Ulises Arias.
Mill-freekick li rriżulta minuta biss wara, Kemar Reid kellu freekick insidjuż salvat bi bravura minn Guarnone.
Kulma jmur, il-Greens bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar, u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, kross-shot perikoluż ta’ Lorenzo Trillo ġie salvat tajjeb minn Guarnone.
Fl-54 minuta Floriana reġgħu pprotestaw għall-penalty meta Kemar Reid kellu xutt li allegatament deher jaħbat ma’ id Eslit Sala, iżda r-referee Matthew De Gabriele għal darb’oħra ħalla l-logħob għaddej.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-61 minuta resqu viċin li jiftħu l-iskor permezz ta’ xutt fil-baxx minn qagħda ideali ta’ Jose Ulises Arias li iżda sab lil Guarnone attent, hekk kif salva tajjeb minn mal-art.
Valletta wieġbu fit-72 minuta meta wara kontrattakk veloċi, il-ballun wasal għand is-sostitut William W. Jebor, li permezz ta’ xutt bid-dawra minn ġol-kaxxa mpenja severament lil Kitanov, li dawwar tajjeb f’corner.
Dan sabiex sitt minuti wara, Jan Busuttil, għall-Greens avvanza tajjeb, għadda lejn Kemar Reid, iżda pront kien Guarnone li ħareġ tajjeb biex jantiċipa lil dan tal-aħħar, bir-referee De Gabriele iżda jinnota foul tal-istess Reid fuq Guarnone.
Fil-ħin miżjud, Valletta spiċċaw jilagħbu b’disa’ players meta tkeċċa għalihom il-player Enmy Manuel Pena Beltre, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Referee: Matthew De Gabriele
Player tal-Logħba: Alessandro Guarnone