“It-tmexxija trid tibqa’ ċċentrata madwar il-bżonnijiet tan-nies.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza folla sabiħa fiċ-ċentru Laburista f’Birkirkara.
Fid-diskors tiegħu, Dr Abela għamel referenza għall-manifest elettorali, Malta Flimkien, li ġie mniedi f’Marzu li għadda – manifest li qal li huwa tant għal qalbu għax fih hemm elf inizzjattiva li wħud minnhom bdew jidħlu fis-seħħ biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.
Robert Abela spjega li ttieħdu diversi miżuri li jolqtu lil ħafna iżda mbagħad hemm dawk il-miżuri aktar speċifiċi li jolqtu faxxa żgħira tas-soċjetà iżda li, meta dawn jiġu implimentati, jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tagħhom.
Din hija r-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista, sostna l-Mexxej Laburista. Huwa qal li hemm differenza fundamentali bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista għax il-Partit Laburista fil-Gvern dejjem jiddeċiedi man-nies u favur in-nies filwaqt li ħaddieħor ma jirrikonoxxix ir-realtajiet tan-nies.
“Aħna l-opportunitajiet mhux biss noħolquhom għal kulħadd imma għal kulħadd ġewwa pajjiżna ,għax inħobbu lil pajjiżna.”
Il-Prim Ministru għamel referenza għall-iskema ‘New Hope’, li mhijiex skema li tolqot lill-eluf imma li minnha jibbenefikaw mijiet li għaddew minn mard u fiequ jew għandhom kundizzjonijiet li, fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni medika, il-bank ma jagħtihomx self għax ma jkunux jistgħu jiksbu polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.
B’hekk, permezz ta’ din l-iskema, tingħata garanzija bankarja biex dawn in-nies xorta waħda jsiru sidien ta’ djarhom. Dr Abela nnota b’sodisfazzjon li din l-iskema kompliet tissaħaħ għax aktar banek kummerċjali ssieħbu fiha.
Dr Abela stqarr li rridu nħallu l-ekonomija taħdem iżda, permezz tar-ruħ soċjali tagħna, niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura.
“Din, iva, hija r-rivoluzzjoni siekta li għamilna f’pajjiżna, li għadna qegħdin nagħmlu u li għad irridu nibqgħu nagħmlu flimkien biex nibqgħu noħolqu l-opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm u li nkunu ta’ wens għal min qabel kien minsi jew min kien jinsab imwarrab fis-soċjetà tagħna.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni li ttieħdet sabiex il-benefiċċju relatat mad-diżabilità ma jibqax jitqies bħala dħul għall-fini tat-test tal-mezzi tal-Awtorità tad-Djar għax dan, filwaqt li huwa dħul, huwa maħsub u jintuża f’dak li għandu x’jaqsam mad-diżabilità.
Il-Mexxej Laburista sostna li din id-deċiżjoni ttieħdet proprju għax huwa l-prinċipju tar-ruħ soċjali li jiggwida lil dan il-Gvern.
“Dawn huma r-riformi li ta’ kuljum irridu nibqgħu nġibu fis-soċjetà tagħna għax m’għandniex il-biża’ tal-bidla. Kemm jekk hija bidla żgħira, kemm jekk hija bida li tolqot għexieren, li tolqot eluf ta’ nies, hi x’inhi n-natura tal-bidla, nidentifikawha u jkollna l-kuraġġ li mmexxuha ’quddiem.”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi qal li pajjiżna għandu jkun wieħed fejn in-nies ikunu kapaċi jimxu ’l quddiem iżda fejn, meta ma jkunux jifilħu jagħmlu dan waħedhom, ikun hemm il-Gvern għalihom.
“Għal dan qegħdin naħdmu flimkien ta’ kuljum, u dawn huma l-għanijiet li nistgħu niksbu jekk naħdmu flimkien, jekk nibqgħu naħdmu għal Malta Flimkien, flimkien bħala Team Malta, għaliex għandna fiduċja f’pajjiżna.”