“Donald Trump m’għandux jintlaqa’ fl-Ingilterra waqt li jabbuża mill-valuri tagħna wara l-ordni li ta li twaqqaf Musulmani u l-attakki fuq refuġjati u d-drittijiet tan-nisa.”
Dan kien il-messaġġ li kiteb Jeremy Corbyn, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, fuq il-paġna tas-sit soċjali Facebook fejn ħeġġeġ lil kulħadd biex jiffirmaw petizzjoni biex titħassar iż-żjara statali tal-President tal-Amerika, Donald Trump, l-Ingilttera.
Corbyn kiteb li Theresa May tkun qed tkun ta’ diżappunt għall-poplu Ingliż jekk ma tipposponix ż-żjara statali u tikkundanna lil Trump. “L-Ingilterra dak hu li qed tistenna u dak ħaqqha.”
S’issa kienu ‘l fuq minn 243,000 persuna li ffirmaw din il-petizzjoni fejn se tkun qed tiġi kkunsidrata biex tiġi dibattuta fil-Parlament, dan hekk kif il-Parlament jikkunsidra kull petizzjoni li tiġi ffirmata minn aktar minn 100,000 persuna.