Żebbug Rangers ħasdu lil Gudja United meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 fit-tieni u l-aħħar logħba tas-Sibt f’Ta’Qali.
Żebbug għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss tmien minuti rebħu penalty meta Neil Tabone waqqa’ lil Travis Bartolo fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Charles Lokoli Ngoy, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Gudja wieġbu fl-40 minuta meta Muchardi għadda tajjeb lejn Navarrete li ra lill-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, li mblokka tajjeb.
Fil-51 minuta, Gudja qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom Andre Prates permezz ta’ karta ħamra diretta wara foul ikrah li wettaq fuq Charles Lokoli Ngoy.
Madankollu, huma xorta bdew jipproduċu logħob sabiħ u fid-59 minuta, xutt minn ġol-kaxxa tas-sostitut Nagamatsu għadda ftit barra.
Iżda kienu Żebbug li ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fil-61 minuta meta Charles Lokoli Ngoy pprovda l-assist lil Kurt Bondin li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Ir-Rangers komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita biex ħadu tlett punti importanti ħafna fil-ġlieda tagħhom li jżommu posthom fil-Kampjonat Premier.
Referee: Stefan Pace
Player tal-Loghba: Charles Lokoli Ngoy (Żebbuġ)