Gzira United ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Hiberians bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima fl-ewwel partita tas-Sibt fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Kienu l-Maroons li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta wara li rċieva minn korner ta’ Steve Pisani, Maxuell Maia, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tintemm ftit barra.
G’ira fetħu l-iskor fil-41 minuta meta Jefferson De Assis qabeż tajjeb lill-captain tal-Pawlisti, Bjorn Kristensen, u permezz ta’ xutt angulat fil-baxx tefa’ ġewwa biex l-ewwel taqsima intemmet 1 – 0.
Fit-52 minuta, waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota minn Hibernians meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Gabriel Mensah għadda barra.
Tal-pagun komplew fuq l-offensiva u sitt minuti wara rebħu penalty meta Luis Carlos Riascos waqqa’ lil Gabriel Mensah fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru nkariga ruħu Jurgen Degabriele li ra lill-goalkeeper Kroat tal-Maroons, Darijan Zarkov, idawwar tajjeb f’korner.
Gżira approfittaw mill-fatt li l-Pawlisti naqsu milli jsibu x-xibka hekk kif issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fis-66 minuta meta wara li rċieva minn kross fil-baxx ta’ Marcelo Dias, mill-ġdid Jefferson De Assis, b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa, bil-goalkeeper Justin Haber jipprova jsalva l-ballun, iżda dan kien diġá qabeż il-linja fatali.
Minn hawn il-quddiem, Gżira komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Player tal-Logħba: Jefferson De Assis