Sbieħ is-Sibt filgħodu nfetħu numru ta’ rotot ġodda li jagħmlu parti mill-proġett infrastrutturali ta’ ħdejn l-ajruport.
Fost dawn hemm il-flyover li nbniet bħala parti minn dan il-proġett, b’din il-karreġġjata b’mod temporanju se tintuza fid-direzzjoni opposta.
B’dan ifisser li min qed jgħaddi minn fuq il-flyover se tibda mill-mini ta’ Ħal Kirkop u tieħdok lejn Ħal Luqa jew Ħal Qormi.
B’dan ifisser li ħamsa u sebgħin fil-mija tal-proġett issa huwa miftuħ.
Dan l-investiment ta’ tmintax-il miljun ewro, mistenni jitlesta f’April li ġej.
F’kumment ma’ ONE News, uffiċjal ta’ Infrastructure Malta, Walter Portelli, spjega li Triq il-Karwija, issa reġgħet infetħet għall-pubbliku.
Qal, “L-underpass li sa ftit ilu kienet tintuża fid-direzzjoni lejn Ħal Far, issa ħa jibda it-traffiku li ġej minn Ħal Far, jgħaddi biex ikompli sejjer lejn Luqa. Ukoll miegħu ħa nkunu qed niftħu aċċess dirett, mill-ajruport lejn Luqa. Ukoll ftaħna aċċess dirett, miż-Żurrieq jew minn Kirkop lejn Ħal Far u lejn l-airport. Sal-bieraħ it-traffiku ried idawwar mar-roundabout li tinsab Garibaldi.”
Hu żied jgħid li barra minn hekk, infetħet il-flyover, fid-direzzjoni lejn Luqa, sabiex ikunu jistgħu jitkomplew ix-xogħlijiet, partikolarment fit-Triq l-Ewwel Titjira u Triq l-Avjazzjoni.
Tkellimna wkoll mal-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, li qal li dan il-proġett hu proċess, fejn fil-ġimgħat li għaddew infetħu bosta toroq.
Qal, “Bħalissa għaddejjin il-karozzi minn fuq il-flyover. Ħabbarna lbieraħ, permezz tal-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon filgħodu, illum, in-nies bdew jgħaddu minn fuq il-flyover. Ovvjament, issa l-proġett ikompli, issa għaddej ix-xogħol ukoll fuq in-naħa l-oħra, il-Kirkop Tunnels u l-Airport intersection, li kollha huma proġett wieħed kollu kemm hu. Ovvjament inkomplu għaddejjin, biex il-proġett ikompli jinfetaħ, iktar rotot jinfetħu fil-ġimgħat li ġejjin, biex il-proġett fil-ġimgħat li ġejjin, biex imbagħad, f’April, il-proġett ikun lest fl-intier tiegħu.”
Huwa stqarr li jħares ‘il quddiem biex dan il-proġett jibda jitgawda, filwaqt li rringrazzja lill-pubbliku għall-kooperazzjoni tiegħu.