Eluf ta’ persuni nġabru biex jipprotestaw b’għan wieħed fl-ajruporti tal-Istati Uniti kontra l-ordni li ta l-President tal-Amerika, Donald Trump, fejn waqqaf ċittadini minn seba’ pajjiżi Musulmani; l-Iran, l-Iraq, il-Libja, is-Somalja, is-Sudan, is-Sirja u l-Yemen, milli jidħlu fl-Istati Uniti għal 90 jum. Din l-ordni, li għadha kif twaqqfet temporanjament mill-Qrati Amerikani, issospendiet ukoll id-dħul ta’ kull refuġjat għal 120 jum.
Il-poplu Amerikan mill-ewwel irrisponda hekk kif ħareġ u mar fl-ajruporti jipprotesta kontra din id-deċiżjoni. Id-demostrazzjonijiet li ttellgħu saru f’postijiet bħal New York, Chicago, Dallas, Denver, Los Angeles, San Francisco, Seattle, Boston u kif ukoll barra Washington D.C.
Persuni li kienu qed jipprotestaw ħarġu b’kartelluni f’idejhom b’messaġġi miktuba bħal: “L-ebda uman m’hu llegali”, “Jien inħobb lill-ġirien tiegħi Musulmani”, “Se nkunu qed inħobbu u nipproteġġu lil xulxin”, “Ir-refuġjati huma milqugħa hawn” fost bosta oħrajn.
Fost dawk li attendew kien hem saħansitra s-Sindku ta’ Boston, Marty Walsh, fejn staqsa lil dawk preżenti biex jattendu għal protesta oħra li se ssir llum fi Pjazza Copley.