L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informazzjoni Teknoloġika ffirmaw ftehim maħsub biex itejjeb u jiffaċilita ħajjet l-anzjani, li issa se jkollhom l-opportunità li jippruvaw diversi mezzi teknoloġiċi disponibbli fis-suq bl-għajnuna professjonali meħtieġa.
Din it-tip ta’ teknoloġija, magħrufa bħala Smart Home Technology, diġa’ ssarrfet f’suċċess f’pajjiżi oħrajn, u se tgħin, b’mod partikolari lil dawk vulnerabbli billi tipprovdilhom għajxien ta’ kwalità aħjar.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Il-Ministru Jo Etienne Abela enfasizza l-importanza ta’ ftehim ta’ dan it-tip.
Qal, “B’dan il-ftehim se nwasslu biex l-anzjani jkunu aktar midħla ta’ applications, pereżempju affarijiet li jistgħu jinxtraw online. Dan il-ftehim se jwassal għal aktar għarfien għall-anzjani ġewwa djarhom.”
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-impenn tal-Gvern biex ikompli jaħdem favur nies vulnerabbli. Dan jirrifletti l-valuri soċjali li jħaddan.
Qal, “Smarthome se jkollha aċċessorji u teknoloġija u equipment ieħor, li naraw kif b’dan l-istess equipment l-anzjani tagħna jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità tagħhom permezz ta’ mezzi teknoloġiċi illi jeżistu llum.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibbiltà tal-Informazzjoni Teknoloġika, Carlo Stivala, qal li dan il-ftehim se jippromwovu l-anzjanità attiva billi jgħin fl-attivitajiet ta’ kuljum.
Qal, “Inħolqu Smart Homes, fejn il-klijenti tagħna jistgħu jiġu jżuru, post fejn ikun hemm l-equipment installat, li se jkun utilizzat minn persuni b’diżabilita’ u persuni vulnerabbli, ġifieri l-anzjani biex intejbu ħajjithom.
Il-Kap Eżekuttiv tal Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Renzo De Gabriele, qalli l-ftehim se jwassal lill-anzjani biex jesperjenzaw l-avvanzi fit-teknoloġija li huma relevanti għal ħajjithom sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’darhom.
Qal, “Dan hu wkoll proġett, li se nagħtu informazzjoni fuq apparat ta’ intelliġenzja artifiċjali, biex l-anzjani jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħafna aħjar, fil-komunità..
Dan il-proġett se jitnieda fix-xhur li ġejjin.