Bħala parti minn delegazzjoni kummerċjali organizzata mit-Trade Malta, fil-jiem li għaddew, ħamsin negozjant minn pajjiżna żaru l-Ghana, fil-Punent tal-Afrika, biex jiskopru opportunitajiet ġodda ta’ negozju ma’ dan il-pajjiż.
Diversi kumpaniji miż-żewġ pajjiżi ffirmaw ftehimiet diversi li jgħinu sabiex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn Malta u l-Ghana.
Tkellimna ma’ wħud li kienu parti mid-delegazzjoni kummerċjali Maltija li marret il-Ghana.
Chris Busuttil minn Evolve Limited:
‘Intlaqajna ħafna tajjeb. Kien hemm parteċipazzjoni qawwija mill-business community tal-Ghana u kulħadd irrapporta li kellu meetings tajba, kemm waqt il-Forum u anki barra l-Forum.’
Adrian Attard Trevisan minn GPI Group:
‘In-nies huma willing ħafna li jikkollaboraw. Hemm opportunitajiet kbar bħala pajjiż li huwa fiċ-ċentru tal-Afrika Sub-Saħarjana u naħseb li hawn opportunitajiet li huma interessanti ħafna biex nesploraw.’
Frank Psaila minn Umana Medical Technologies Malta
‘Kienet state mission tajba ħafna, opportunità tajba, inizjattiva tajba ħafna, min-naħa tal-Ministeru u Trade Malta, illi ġejna f’pajjiż li hemm domanda kbira għal relazzjonijiet kummerċjali ma’ Malta. Iltqajna ma’ diversi investituri potenzjali, hija parti importanti mill-istrateġija ta’ Malta u l-Afrika 2020-2025 u naħseb hija t-triq ’il quddiem jekk irridu li nħarsu lil hinn minn xtutna u l-kummerċ f’pajjiżna nagħmluh fuq dimensjoni internazzjonali.’