Athletics Malta se tagħti bidu għall-kalendarju sportiv tagħha għal din is-sena bi tmiem il-ġimgħa ppakkjat hekk kif kemm l-atleti tar-road running kif ukoll dawk tat-trakka jerġgħu lura għall-kompetizzjonijiet nazzjonali. Dawn l-avvenimenti jagħtu bidu għal staġun eċitanti u importanti għal dan l-isport, hekk kif l-atleti Maltin se jkunu qed ifittxu ħinijiet u distanzi li jikkwalifikawhom għal numru ta’ avvenimenti internazzjonali. Dawn jinkludu l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru proprju f’Malta, il-Kampjonati Ewropej Indoor f’Istanbul, il-Logħob Ewropew fis-Silesja, Polonja u anke l-Kampjonati Dinjija f’Budapest.
Il-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa nhar is-Sibt se jilqa’ lill-atleti tat-track and field għall-ewwel minn żewġ Open Pre-Season Meetings, bi tħejjija għall-ewwel appuntament importanti tal-istaġun tal-atletika lokali, il-Kampjonati tax-Xitwa, skedati fil-11 ta’ Frar 2023.
Minkejja li għadna f’fażi ferm bikrija tal-istaġun, numru ta’ atleti diġà jinsabu f’forma mill-aqwa u lesti għal staġun b’saħħtu tant li wettqu rekords nazzjonali f’Malta u barra minn xtutna. Dawn jinkludu lil Claire Azzopardi li fit-triple jump kisret ir-rekord nazzjonali indoor b’qabża ta’ 12.16m f’Londra l-ġimgħa li għaddiet, Jeremy Zammit li fl-Istati Uniti qabeż 7.84m għal rekord nazzjonali fil-long jump u Bradley Mifsud, li stabbilixxa rekord ġdid fid-discus meta f’avveniment lokali waddab 53.80m aktar kmieni din is-sena fil-Marsa.
Il-Ħadd, stennija kbira għar-Road Running League li jerġa’ lura fit-toroq ta’ pajjiżna wara nuqqas ta’ sentejn, bl-ewwel minn erba’ tlielaq skedati. L-ewwel tellieqa se tkun f’Marsaskala, fuq rotta ta’ 10km li kienet approvata dan l-aħħar minn World Athletics bħala rotta ċertifikata.
Dan il-League, li jwassal għat-titlu ta’ Champions individwali u fuq livell ta’ klabb, se jikkonsisti fuq erba’ tlielaq fix-xahrejn li ġejjin, tnejn fuq 10km u tnejn fuq 5km. Fost l-aktar atleti fil-forma li wieħed għandu jżomm għajnejh fuqhom hemm Dillon Cassar (Mellieħa) u Luke Micallef (Pembroke) li fl-aħħar ġimgħat ġrew ħinijiet impressjonanti ta’ 30’39 f’Valencia u 30’43 f’Nizza rispettivament fuq din id-distenza. Iż-żagħżugħ Gabriel Farrugia (Evolve Endurance Club) ukoll jista’ jkun sfidant importanti wara prestazzjonijiet b’saħħithom fil-belt Spanjola (31’59) kif ukoll fil-Kampjonat Ewropej tal-Cross-Country.
Fost in-nisa, iċ-Champion Nazzjonali preżenti tal-5k u t-10k Roberta Schembri (Evolve Endurance Club), ir-rebbieħa tan-Nofs Maratona ta’ Pisa Lisa Marie Bezzina (Pembroke Athleta), kif ukoll Joelle Cortis, li wkoll kellha prestazzjoni tajba f’Valencia ftit ġranet ilu, huma mistennija jkunu fost l-isfidanti ewlenin.