Il-kantant Aidan Cassar talab lill-PBS biex ireġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu li jiskwalifikah mill-Malta Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.
Dan wara li r-rappreżentanti legali tal-kantant bagħtu ittra lill-PBS fejn talbuhom jissospendu dik id-deċiżjoni u heddew aktar passi legali jekk jirrifjutaw li jagħmlu dan.
Fl-aħħar ġimgħat, Aidan kien wieħed minn fost il-favoriti għall-edizzjoni ta’ din is-sena iżda ftit tal-jiem ilu ġie skwalifikat minħabba materjal mhux awtorizzat fuq il-midja soċjali.
Skont ir-regoli tal-kompetizzjoni, il-kantanti huma pprojbiti milli jippubblikaw dwar id-dħul tagħhom mill-istadju tal-kwarti finali ‘l quddiem. Is-Servizzi Pubbliċi tax-Xandir, li jorganizzaw l-attività, qalu li Cassar kemm-il darba ġie mwissi li ma kienx permess li jippubblika fuq il-midja soċjali dwar il-kanzunetta tiegħu, iżda kien injora dawk it-twissijiet.
Fl-ittra legali tiegħu, Aidan argumenta li l-piena tiegħu kienet inġusta hekk kif diversi kontestanti oħra ppubblikaw ukoll materjal fuq il-midja soċjali dwar il-parteċipazzjoni tagħhom.
Aidan Cassar huwa rappreżentat mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca.