F’awla numru 22 tal-Qorti, Dr Josette Demicoli ppresediet l-ewwel seduta tagħha bħala mħallef. Hija ġie assenjata fil-Qorti tal-Appell Superjuri.
Quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, Membri tal-Ġudikatura, il-President Emeritu George Abela, l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, avukati u qraba tagħha, Dr Demicoli wasslet l-ewwel indirizz tagħha minn mindu, f’Diċembru li għadda, ħadet il-ġurament bħala mħallef.
Magħha nħatret ukoll l-Imħallef Doreen Clarke.
Fid-diskors tagħha, l-Imħallef Demicoli qalet li din se tkun l-unika darba li tindirizza lill-pubbliku minħabba l-etika li jridu jirrispettaw il-membri tal-ġudikatura.
Hija tat ħarsa lejn it-trobbija tagħha, lejn meta ddeċidiet li tkompli fuq il-linja legali, u lejn meta saret Maġistrat u, eventwalment, Imħallef.
Dr Josette Demicoli bdiet il-prattika legali tagħha mal-Imħallef Emeritu Philip Sciberras u wara mal-Imħallef Emeritu Raymond Pace. Fl-2011 ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala Maġistrat u poġġiet fil-Qorti t’Għawdex. F’Malta, imbagħad, ingħaqdet ma’ Maġistrati oħra responsabbli mill-kriminal u mill-bord li jirregola l-kera.
Fl-indirizz tagħha, l-Imħallef Demicoli qalet li l-ġudikant għandu responsabbiltà kbira sabiex ma jħares lejn wiċċ ħadd meta jiżen dak li jkollu quddiemu. Hija saħqet li dawk li jinstabu ħatja ta’ reat għajnuna għandhom bżonn u mhux lil min ikissirhom. Qalet li ukoll li l-ġudikatura qatt m’għandha tinjora lill-vittmi u tkellmet dwar l-importanza li titwettaq ġustizzja magħhom.
Hija pproponiet bosta affarijiet li għandhom isiru sabiex l-effiċjenza tal-Qrati Maltin tkompli tissaħħaħ fosthom b’żieda fir-riżorsi.
Finalment, hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha li tul is-snin ħadmu id f’id magħha u li l-biċċa l-kbira tagħhom issa ġew assenjati ma’ mħallef oħra. Viżibbilment emozzjonata, hija temmet id-diskors billi sellmet lil dawk kollha li kienu hemm kemm ilha ġudikant.
Intant, indirizza din iċ-ċermioja wkoll il-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Louis Degabriele, li nnota li matul il-karriera tagħha, anke fuq il-bank tal-Maġistratura, l-Imħallef Demicoli stabbilixxiet il-kompetenza, is-serjetà, il-kuraġġ, u d-determinazzjoni fil-ġudizzju tagħha.