Pajjiżna għandu l-akbar numru ta’ ġudikanti, wara ż-żieda mħabbra dalgħodu ta’ erba’ maġistrati ġodda fil-qrati Malti.
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja.
Permezz ta’ din iż-żieda issa l-Qorti hija magħmula minn Prim Imħallef, sitta u għoxrin (26) imħallef, u ħamsa u għoxrin (25) maġistrat. Dan ifisser żieda ta’ 27 fil-mija meta mqabbel mal-2012.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, sostna li din iż-żieda għandha ssarraf f’titjib tal-effiċjenza tal-qrati.
L-investiment qed isir ukoll fir-riżorsi umani tal-qrati. Fl-aħħar xhur ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Aġenzija għas-servizzi tal-Qorti, li bih ġew assigurati kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u li jattiraw aktar nies.
Il-Gvern qed jinvesti wkoll fl-istituzzjonijiet l-oħra li jiffurmaw parti integrali mill-proċess ġudizzjarju, fosthom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u dak tal-Avukat tal-Istat.
Intqal ukoll li l-Gvern se jkun qed iħabbar iktar proġetti u investimenti li bihom se jkompli jiżgura li pajjiżna jkollu l-aħjar talent u għodod disponibbli fil-Qrati tiegħu.
Dawn il-bidliet huma mmirati biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
ARA WKOLL: