ChatGPT huwa programm fuq l-internet li wieħed jista’ jagħmillu kwalunkwe mistoqsija u, fi ftit sekondi, il-programm jagħti risposta dettaljata li ħafna drabi tkun preċiża.
Il-program huwa bbażat fuq l-intelliġenza artifiċjali, li twasslu biex ikun jista’ jifhem u jiġġenera kitba fit-tul b’mod metodiku u oriġinali. ChatGPT ħoloq diversi kontroversji, speċjalment fis-settur edukattiv, minħabba li diversi studenti qed jagħmlu użu minn dan il-programm fix-xogħol akkademiku tagħhom.
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, tkellem ma’ One News dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Università dwar dan l-aħħar żvilupp, li jippermetti lill-istudenti jippreżentaw xogħol li jkun kitibulhom il-programm.
“Hemm din ir-realtà diġà fil-kamp ta’ l-edukazzjoni. L-edukaturi jridu jaddattaw it-tip ta’ eżamijiet li jagħmlu biex dan it-tip ta’ software ma jkunx jista’ jieħu post l-istudent. Kważi kważi, wieħed juża l-fatt li jeżisti dan is-software – jiġifieri inti turih ’l istudent u tgħidlu: ‘Użah dan is-software biex jagħtik risposta, imbgħad ikkritikaha inti dik ir-risposta.”
Dwar jekk l-Università għandhiex mezzi sabiex letturi jindunaw jekk ix-xogħol ikunx sar mill-programm jew mill-istudenti, ir-Rettur wieġeb li t-teknoloġija għadha ġdida fjamanta u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar żmien sakemm jinħoloq programm ieħor li jkun jista’ jaqbad meta jkun intuża ċ-ChatGPT.
Huwa qal ukoll li mhux l-ewwel darba li t-teknoloġija qajmet kontroversji fil-qasam edukattiv u għalkemm wieħed jista’ jagħmel użu mit-teknoloġija biex jaqta’ kantuniera, biex wieħed jitgħallem xorta jrid jirrikorri għall-istudju.
“L-Excel m’għamlet l-ebda accountant … imma l-accountants jużaw dawn id-databases biex jagħmlu x-xogħol tagħhom b’iktar effiċjenza, u naħseb dan se jkun ukoll il-futur ta’ din is-software. Iva, ma rridux inkunu innoċenti – nużaw diġà softwares oħrajn biex naqbdu l-plaġjariżmu, per eżempju, u jista’ jkun illi anke dan iċ-ChatGPT jkollu d-detection system li tiġi għalih. Pero’ nippreferi li nadattaw il-metodi ta’ kif neżaminaw u kif nesplojtaw dan is-software milli nqisuh bħala l-għadu illi ġej għalina u m’għandniex kontroll fuqu.”
Ir-rettur assigura li l-maġġoranza l-kbira tal-eżamijiet qed isiru bil-kitba fuq il-karta, u b’hekk ebda student mhu se jkollu l-opportunità li juża dan il-programm.
Ir-Rettur qal li, kollox ma kollox, jara din it-teknoloġija bħala għodda li tagħmel il-kitba iktar effiċjenti. Il-proċess sabiex wieħed jiggradwa, wara kollox, mhuwiex ibbażat fuq biċċa xogħol waħda iżda fuq ix-xogħlijiet kollha li l-istudenti jkunu ppreżentaw matul is-snin.
Rapport ta’ Luigi Sghendo