L-24 ta’ Jannar hija l-ġurnata li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddedikatha għall-Edukazzjoni.
Bl-edukazzjoni wieħed jimxi ’l quddiem, u għalhekk bosta jħarsu lejn din il-ġurnata bħala waħda importanti sabiex ikun hemm aktar għarfien dwar l-importanza li l-pajjiżi jibqgħu jinvestu f’dan il-qasam.
It-tema magħżula għal din is-sena hija: “biex ninvestu fin-nies, irridu npoġġu l-edukazzjoni bħala prijorità”.
Fuq ir-rilevanza tat-tema ta’ din is-sena, dan l-istazzjon tkellem mal-Professur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Universita ta’ Malta, Carmel Borg, li semma
Qal, “Messaġġ li għandu jkun mużika għal kull min ħadem, kull min għadu jaħdem, u kull min ta ħajtu għall-edukazzjoni. Il-messaġġ huwa wieħed ċar: jekk irridu tassew ninvestu fil-poplu rridu nipprijoritizzaw l-edukazzjoni. Messaġġ qawwi favur iċ-ċentralità tal-edukazzjoni, l-edukazzjoni bħala ċ-ċentru tal-iżvilupp personali, żvilupp soċjali, żvilupp ekonomiku, u żvilupp demokratiku.”
Il-Professur Borg spjega wħud mill-messaġġi importanti li ta’ kull sena twassal in-Nazzjonijiet Uniti f’dan il-jum, fosthom li l-edukazzjoni mhix karità iżda dritt fundamentali u bażiku tal-bniedem, li l-edukazzjoni hija responsabbiltà pubblika, u x’responsabbiltà għandu l-iIstat f’dan kollu.
Qal, “L-Istat għandu jipprovdi opportunitajiet indaqs u dak huwa xi ħaġa li l-pajjiż qed jagħmel b’saħħa. Il-garanzija ta’ edukazzjoni lil kulħadd, min-nieqa sal-qabar, u wara hemm l-isfida li mhux biss niftħu l-bibien u noffru esperjenza edukattiva imma, kif tgħid l-organizzazzjoni, l-esperjenza trid tkun ta’ kwalità.”
Ċifri uffiċjali juru li llum hemm madwar 224 miljun tifel u tifla li m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni, filwaqt li 771 miljun adult huma illitterati.
F’dan il-jum bosta ftakru wkoll f’dawk in-nisa u t-tfajliet fl-Afganistan, li t-tmexxija tal-pajjiż qed iċċaħħadhom mid-dritt li jitgħallmu, jistudjaw u jgħallmu.