Missier ta’ sebat itfal, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, inżamm arrestat wara li allegatament hedded lil martu b’sikkina m’għonqha waqt argument.
Ir-raġel, Libjan ta’ 42 sena, u li xogħlu huwa ta’ kaħħal, ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna biża’ lil martu, li għajjarha, u li heddidha.
L-allegat inċident seħħ fir-residenza tal-koppja f’Birkirkara, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar ta’ nhar il-Ħadd.
Id-Difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono u Tiziana Micallef, għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-argument li l-imputat għandu residenza alternattiva u ilu Malta 24 sena.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba n-natura tal-akkużi u għall-fatt li għad iridu jinstemgħu aktar xhieda.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ċaħdet it-talba tad-Difiża u l-imputat inżamm arrestat.