B’seħħ mill-bidu tas-sena twaqqaf unit speċjalizzat li se jkun qed imexxi l-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. Dan il-unit ġdid, fi ħdan il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, twaqqaf skont l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u se jkun qed jitmexxa mis-Sur Jason Micallef.
Skont l-avviż legali li stabbilixxa dan il-unit, ir-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu li jippreserva u jippromovi l-park bħala spazju rikreattiv u miftuħ għall-pubbliku. Il-unit se jirrakkomanda lill-ministru politika għall-użu u t-tfassil ta’ regoli għall-użu tal-park u anke jfassal u jadotta strateġija dwar l-immaniġġjar tiegħu.
Il-unit speċjalizzat huwa responsabbli wkoll mit-tfassil ta’ pjan sabiex jikkordina l-manutenzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb tal-Park Nazzjonali. Se jkun qed ifassal ukoll u jadotta proċeduri u protokolli ta’ saħħa u sigurtà u anke għal każijiet ta’ emerġenza fil-park. Dawn il-proċeduri u protokolli jridu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.
Ix-xogħlijiet fuq fażijiet differenti tal-Park Nazzjonali għadhom għaddejjin filwaqt li dawk il-partijiet li tlestew diġà qed jitgawdew mill-pubbliku inġenerali.