L-eks Prim Ministru Alfred Sant saħaq li filwaqt li l-integrità tas-suq uniku Ewropew tibqa’ kruċjali, ir-regoli tal-għajnuna mill-istat m’għandhomx ixekklu l-investiment industrijali u l-innovazzjoni. Huwa stqarr li dan qed jiġri, bħal fir-rigward tas-semikondutturi li suppost huwa qasam ta’ prijorità għall-Unjoni Ewropea. Sfortunatament, il-kompetittività industrijali hija kkundizzjonata mill-għajnuna mill-istat, żied jgħid Sant.
Waqt li kien qed jindirizza l-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar strateġija Ewropea biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali, il-kummerċ u l-impjiegi ta’ kwalità, Alfred Sant enfasizza li l-politika Ewropea biex tagħti spinta lill-kompetittività industrijali jeħtieġ li tiġi affermata b’mod aktar qawwi. Barra minn hekk, huwa talab biex issir reviżjoni tal-prattiċi li nħolqu matul is-snin.
F’Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta viżjoni fit-tul dwar il-politika industrijali. Il-Kunsill Ewropew ippreżenta viżjoni għall-industrija Ewropea fl-2030. L-għan huwa li l-industrija Ewropea ssir aktar sostenibbli, aktar ekoloġika, aktar kompetittiva globalment u aktar reżiljenti.
Sant issuġġerixxa li l-manifattura industrijali għandha tingħata l-ewwel jew l-istess prijorità bħal setturi oħra. Min-naħa l-oħra, huwa enfasizza li għandhom jiżdiedu l-isforzi kollha biex tiġi promossa u mħarsa l-innovazzjoni Ewropea mingħajr ma tiġi evitata l-adozzjoni ta’ malajr ta’ innovazzjoni żviluppata barra s-suq uniku Ewropew.
Huwa sostna wkoll li meta jiġu identifikati żoni industrijali u proġetti ta’ importanza Ewropea, għandu jiġi żgurat li jkunu verament varati u mhux soġġetti għal dewmien bla bżonn. Dwar il-Patt Ekoloġiku u l-industrija, Alfred Sant stqarr li biex l-industrija tibqa’ kompetittiva, għandu jittieħed kont aħjar tat-talbiet ta’ dawn l-inizjattivi ta’ politika.