Il-Kummissarju Ewropea għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, tinsab Malta biex dalgħodu jitnedew uffiċjalment il-programmi operattivi b’rabta mal-akbar pakkett ta’ fondi li gvern Malti qatt innegozja mal-Unjoni Ewropea.
B’kollox, il-gvern Laburista nnegozja fondi ta’ €2.2 biljun, li huwa aktar mid-doppju ta’ kemm kien ġie nnegozjat mill-gvern Nazzjonalista fl-2012.
Preżenti għat-tnedija tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi tal-Politika tal-Koeżjoni 2021-2027 hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Din it-tnedija se twassal biex jibdew jiġu utilizzati dawn il-fondi. F’diskors li għamel ilbieraħ fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ewwel prijorità għall-utilizzazzjoni ta’ dawn il-fondi se tkun il-kompettitività, li se twassal biex l-ekonomija Maltija tkompli tissaħħaħ u b’hekk tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.