Fil-preżenza tal-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ġie imġedded il-ftehim mal-kunsilli lokali ta’ Ħal Qormi, l-Imsida, is-Siġġiewi u Ħal Safi sabiex jibqa’ jingħata s-servizz ta’ ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjanità attiva.
L-għan ta’ dawn iċ-ċentri huwa li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu fi ħdan il-komunita tagħhom, filwaqt li jibqgħu attivi permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru, fosthom eżerċizzju u anki taħditiet dwar suġġetti varji.
Il-Ministru Abela sqarr li l-gvern kommess li jkompli joffri lill-anzjani, servizz viċin tagħhom, fil-komunita ta’ fejn jgħixu u b’hekk ikompli jingħata servizz ta’ kwalità lill-anzjani.
Huwa qal, “L-għan aħħari tal-Gvern ċentrali, kif ukoll il-Gvern lokali huwa li ntejbu l-kwalita tal-ħajja tal-anzjani.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li huwa l-obbligu ta’ kulħadd li lill-anzjani noffrulhom opportunitajiet u kundizzjonijiet tajba fil-komunitajiet fejn jgħixu, sabiex iħossuhom parti mis-soċjetà.
Hija stqrret, “Dan il-ftehim tal-lum huwa pass importanti lejn il-ħidma tal-Kunsill Lokali sabiex ikomplu jieħdu ħsieb ir-residenti tagħhom bl-aħjar mod.”
Waqt dan l-iffirmar tat-tiġdid tal-ftehim, intqal ukoll li wara nuqqas ta’ madwar sentejn, iċ-ċentru għall-anzjanità attiva ta’ Raħal Ġdid reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-anzjani tal-komunità.