Malta u l-Ghana ffirmaw numru ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni, li permezz tagħhom se tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-kooperazzjoni se ssir fis-setturi tas-sajd, iż-żgħażagħ u anki l-isport.
Waqt l-iffirmar ta’ dawn il-ftehimiet, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg kellu l-opportunità li jispjega fid-dettall, il-prijoritajiet ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Borg qal, “Kif aħna, bħala membru tal-Unjoni Ewropea nistgħu ngħinu lill-kontinent Afrikan u allura nkunu dak il-pont bejn l-Afrika u l-Ewropa ħalli ninvestu iżjed. Mhux kwistjoni ta’ fruntieri biss imma kif nistgħu ngħinu ħalli titkabbar l-ekonomija, jinħolqu l-impjiegi u l-Afrikani jibqgħu jaħdmu ġewwa l-Afrika stess.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ghana, Shirley Ayokor Botchewy qalet li dan juri l-impenn taż-żewġ pajjiżi.
Hija saħqet li tħares ‘il quddiem biex dawn il-ftehimiet jibdew jiġu fis-seħħ u jibbenefikaw iż-żewġ popli, waqt li rringrazzjat lil-Gvern Malti għall-għajnuna tiegħu waqt il-pandemija.
Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Kummerċ tal-Ghana, Michael Baafi.
Huwa spjega li l-Ghana hija pajjiż ta’ prijorità fejn jidħol il-kummerċ għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin tant li diġà hemm madwar 24 kumpanija li qed tesporta lejn dan il-pajjiż, b’medja ta’ tmienja u għoxrin miljun ewro.
Il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għall-Ghana, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż.