Anzjan ta’ 75 sena ġarrab ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku f’Wied il-Għajn.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta ta’ 11:45 fi Triq il-Gardiel.
Mill-ewwwel investigazzjonijiet li għamlu l-pulizija jirriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Yaris misjuqa minn mara ta’ 65 sena residenti Birżebbuġa li kellha magħha mara ta’ 40 sena bħala passiġġiera u vann Toyota Dyna misjuq minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi.
Malli seħħ l-impatt, il-vann ħabat ta’ Range Rover li kien ipparkjat bil-konsegwenza li ċċaqlaq u laqat raġel ta’ 75 sena li kien jinsab biswit il-karozza pparkjata.
Fuq il-post issejħu membri mill-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lir-raġel ta’ 75 sena kif ukoll liż-żewġ persuni li kienu fil-Yaris l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Aktar tard, l-anzjan ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara ta’ 65 sena kienet ċċertifikata bi ġrieħi ħfief.
Dan filwaqt li l-passiġġiera tat-Toyota Yaris ma ġarrbet l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.