Ismael Habesh, Libjan ta’ tnejn u ħamsin sena u Mouhaci Faical, Tuneżin ta’ ħamsa u ħamsin sena ma nstabux ħatja li qatlu lil Sion Grech ta’ 20 sena mis-Siġġiewi f’April ta’ tmintax-il sena ilu. Sion Grech inqatlet fil-ħamsa ta’ April tal-2005 u nstabet mejta f’għalqa fil-Marsa fit-tlettax ta’ April tal-2005. Mill-awtopsja fuq il-vittma nstab li Sion Grech inqatlet bi sbatax-il daqqa ta’ sikkina.
B’seba’ voti kontra u tnejn favur, Habesh ma nstabx ħati li qatel lil Sion Grech. Dan filwaqt li bi tmien voti kontra u wieħed favur, Faical ma nstabx ħati bi qtil tal-istess omiċidju. Fl-istess verdett, il-ġurija b’mod unanimu sabu ħati li Habesh b’serq ta’ karozza. Dan il-verdett mill-ġurati ngħata, hekk kif tul il-jum tal-Ġimgħa ngħalaq u ntemm il-ġuri ta’ Sion Grech, li kien ilu għaddej għal dawn l-aħħar għaxart ijiem, mid-disgħa ta’ Jannar li għadda.
Id-disa’ ġurati damu jilleberaw għal aktar minn tmien sigħat. Hekk kif il-ġurija tat il-verdett tagħha, il-qraba tal-vittma, Sion Grech kienu evidentament emozjonati u ħarġu mill-awla.
ONE News jirrapporta b’mod dirett mill-Qorti:
17:42 – Jidħlu l-Imħallef u l-ġurati fl-awla.
B’seba’ voti kontra tnejn favur, Ismael Habesh ta’ 52 sena mil-Libja ma nstabx ħati li qatel lil Sion Grech f’April tal-2005, filwaqt li bi tmien voti kontra u wieħed favur, Mouhaci Faical, ta’ 55 sena mit-Tuneżija ma nstabx ħati bi qtil fl-istess omiċidju.
17: 55 – L-Imħallef jirringrazzja lill-ġurati u jgħidilhom li xogħlhom f’dan il-każ huwa lest.
17:59 – Il-qraba ta’ Sion Grech, evidentament emozzjonati, ħarġu mill-awla.
18:04 – Bħalissa qed iressaq is-sottomissjoni tiegħu l-Avukat Difensur Edward Gatt dwar il-fatt li l-ġurija sabu lil Habesh ħati b’mod unanimu fuq akkuża ta’ serq ta’ karozza.
18: 05 – Dr Edward Gatt, l-avukat ta’ Habesh qal li ma jagħmilx sens li tingħata sentenza ta’ ħabs wara li Habesh biddel ħajtu għall-aħjar. Huwa kompla jgħid kif Habesh ammetta li seraq karozza fl-2005 u kien hu stess li wassalhom għall-istess karozza. Tenna li d-dewmien ta’ tmintax-il sena ma kienx tord tal-klijent u dan tressaq u spiċċa instab mhux ħati b’vot b’saħħtu. Qal li tkun inġustizzja jekk jintbagħat tmien snin ħabs fuq serq ta’ karozza.
18:17 – L-imħallef ħareg mill-awla sabiex jiddeċidi s-sentenza dwar kap 4 li tfisser dwar l-akkuża tas-serq tal-karozza.
18:20 – Tgħanniq bejn il-qraba tal-akkużati fil-Qorti
19:59 – Wara aktar minn siegħa u nofs, l-Imħallef Aaron Bugeja reġa’ daħal f’awla numru 22 biex jaqra s-sentenza finali dwar ir-raba’ akkuża tal-Libjan Habesh b’rabta ma’ serq ta’ karozza.
Habesh innifsu kien ammetta din l-akkuża ta’ serq, u fil-fatt il-ġurati b’mod unanimu sabuh ħati fuq din.
It-Tuneżin Faical inħeles minn kull akkuża.
20:01 – Mouhaci Faical huwa uffiċjalment mhux ħati tal-ebda reat fil-konfront tiegħu, wara li l-Imħallef qara s-sentenza tiegħu u ħarġu liberat.
20:03 – Fis-sentenza l-Imħallef ħeles lil Habesh minn 3 akkużi inkluż dwar qtil, iżda sabitu ħati ta’ serq.
20:07 – Il-Qorti qalet li tikkunsidra l-fatt li Habesh għen lill-Pulizija u li rritorna l-karozza li seraq.
20:11 – Fil-verdett finali l-Qorti bagħtet lil Habesh 3 snin priġunerija u ordnatlu jħallas l-ispejjeż li saru b’rabta ma’ din l-akkuża. Dan ifisser li Habesh mhux se jagħmel l-ebda ħin il-ħabs wara li diġa għamel 3 snin taħt arrest preventiv.
AKTAR QABEL:
Il-ġurati li f’dawn l-aħħar ġimgħatejn semgħu l-każ dwar il-qtil ta’ Sion Grech lesti minn tmien sigħat ta’ deliberazzjoni u għandhom verdett.
L-akkużati f’dan il-każ, li bħalissa jinsabu fl-awla lesti biex jisimgħu l-verdett tal-ġurati, huma l-Libjan Ismael Habesh, ta’ 52 sena, u t-Tuneżin Mouhaci Faical, ta’ 55 sena.
Sion Grech, ta’ 20 sena, kienet instabet bla ħajja f’għalqa fil-Marsa f’April tal-2005.
Tul il-jiem li għaddew fil-Qorti xehdu bosta persuni, minn eks uffiċjali tal-Pulizija, esperti forensiċi u nies li xehdu dwar ir-relazzjoni bejn il-vittma u l-akkużati.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri kienet immexxxija minn Anthony Vella u Abigail Caruana Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Id-Difiża tmexxiet mill-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila li dehru għal Habesh u Simon Micallef Stafrace li deher għal Faical.
Fl-awla bħalissa hawn numru ta’ qraba ta’ Sion Grech u tal-akkużati, uffiċjali tal-Pulizija u anke għadd ta’ ġurnalisti.