B’investiment massiċċ ta’ €180 miljun, l-aġenzija Infrastructure Malta varat il-pjan ta’ investimenti tagħha għall-Port il-Kbir għall-ħames snin li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Ministru responsabbli mill-proġetti kapitali, Aaron Farrugia, li qal li dan l-investiment massiċċ se jkun qed jimxi id f’id mar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, li qed issir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Fost il-proġetti hemm il-bini ta’ moll ġdid ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija fiż-żona ta’ Ras Ħanżir f’Kordin u r-restawr tal-maħżen industrijali f’Boiler Wharf fl-Isla.
Bi proġett ta’ €25 miljun se jiġu estiżi l-mollijiet ta’ Pinto 4 u 5 u qed jinbena wkoll mill-ġdid il-moll ta’ Lascaris. Permezz ta’ dan il-proġett se jiġi ffurmat moll kontinwu ġdid fiż-żewġ proġetti, b’tul ta’ 350 metru.
Apparti minn hekk, se jsir investiment fl-ambjent fiż-żona madwar il-Port il-Kbir permezz taż-żewġ proġetti tax-shore-to-ship. Dan se jwassal biex jitnaqqas it-tniġġis f’dan il-port b’90 fil-mija.
Bi proġett ta’ €5 miljun se tiġi rriġenerata ż-żona tas-Sally Port, fil-Birgu, hekk kif se jsir promenade ġdid li se jkomplu jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, Ivan Falzon, qal li l-aġenzija qed taħdem biex din is-sena jinqata’ l-ewwel frott tal-proġett ambjentali li bih vapuri se jkollhom il-possibilità li jitfu l-magni meta jkunu sorġuti fil-port u jieħdu l-elettriku mill-art.
Ġie spjegat li fl-aħħar sena tnaddfu żoni tal-Port minn materjal ikkontaminat.
“Barra minn hekk, għaddej ix-xogħol – għadu kemm beda ftit ilu – bl-estensjoni tal-Moll ta’ Pinto u l-bini mill-ġdid tal-moll ta’ Lascaris, u wasalna wkoll fl-aħħar fażijiet tal-bini tal-promenade tas-Sally Port. Daqt ikun jista’ jinfetaħ il-proġett u jintuża mill-pubbliku inġenerali.”
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li, bix-xogħlijiet, se jinstab bilanċ bejn li jingħata aktar valur lill-Port il-Kbir u li l-Port ikun jista’ jilqa’ vapuri akbar.
“Ħabbarna l-pjan ta’ ħidma fl-infrastruttura marittima flimkien ma’ Infrastructure Malta għal ħames snin li ġejjin biex nagħtu l-istabilità u ċ-ċertezza lil kulħadd, inkluż l-industrija li taħdem kuljum b’attivitajiet f’din iż-żona illi fiha qed naraw investiment kull ma jmur, imma wkoll il-bżonn ta’ konnettività ladarba hemmhekk jidħlu r-riżorsi primarji illi pajjiżna għandu bżonn.”