Fil-Qorti, l-armel ta’ Rania Boughatta, Tuneżina ta’ 30 sena, li nqatlet wara li ttajret minn karozza fil-21 ta’ Novembru tal-2021 fix-Xemxija, qal li dakinhar tal-inċident kien l-aħħar jum tagħhom tal-honeymoon f’pajjiżna.
L-armel ta’ Rania, Nadil ben Soltana xehed, hekk kif bdew il-proċeduri fil-Qorti fil-konfront ta’ Wayne Buttigieg ta’ 43 sena li jgħix il-Mellieħa.
Fost l-akkużi li tressaq bihom hemm dawk ta’ omiċidju involontorju, li saq b’mod perikoluż, li saq taħt l-influwenza tax-xorb u tad-droga u anki li għamel ħsara f’erba’ vetturi.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti l-armel tal-vittma spjega li huma kienu f’pajjiżna għal erbat ijiem u ntqal li kienu sejrin lura lejn l-appartament li kienu qed jgħixu fih f’San Pawl il-Baħar.
Xehed li x-xufier deher li m’għamel xejn biex jevita l-inċident, hekk kif lanqas għafas il-brejkijiet.
Fil-Qorti xehed ukoll l-Ispettur George Vella li spjega li x’ħin mar fuq il-post, il-mara kienet diġa ċċertifikata li tilfet ħajjitha.
Intqal li l-vittma kienet spiċċat imkaxkra għal diversi metri u waqfet taħt bumper ta’ karozza.
L-Ispettur Vella spjega li l-akkużat fl-interogazzjonijiet qal li huwa kien ra raġel jaqsam u biex jevitha kiser għan-naħa l-oħra tat-triq u sab lill-vittma.
Intqal ukoll li mit-testijiet tad-demm u tal-awrina ħareġ li l-akkużat kien taħt l-effett tax-xorb u tal-kokaina.