Kulma jmur qed tkompli toħroġ il-firda li għadha tiddomina fid-Dar Ċentrali bejn iż-żewġ fazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista, u l-iskumdità tad-deputati ta’ Bernard Grech biex jitkellmu dwarha.
Dan wara d-dikjarazzjonijiet tad-deputat tal-‘Blue Heroes’ Claudette Buttigieg ftit tal-jiem ilu, meta sostniet li hija ma ddispjaċihiex dwar dak li hi u sħabha għamlu fis-sajf tal-2020 biex qaċċtu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ħareġ ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, l-Erbgħa waranofsinhar, hekk kif ONE News staqsa dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Buttigieg lill-eks Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius.
Agius kien proprju wieħed mid-deputati li jappartjenu għall-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Kien b’hekk li ONE News staqsa jekk il-kliem ta’ Buttigieg ftit tal-jiem ilu kienx floku jew jekk saħansitra kellux jingħad.
Hawnhekk ħarġet l-iskumdità tad-deputat Nazzjonalista hekk kif għamel minn kollox biex jevita li jwieġeb id-domanda li saritlu, tant li dar jittallab għal mistoqsijiet oħra mill-midja preżenti.
Dan għamlu b’tentattiv biex ma jweġibx il-mistoqsija biex ma jiksirhiex minn mat-tmexxija attwali tal-Partit Nazzjonalista, li hija kkontrollata mill-fazzjoni ta’ kontrih, filwaqt li fl-istess ħin ma jmurx lura mil-lealtà tiegħu lejn Adrian Delia.
Ġurnalist: “Dan l-aħħar kellna d-dikjarazzjonijiet ta’ Claudette Buttigieg, fejn sostniet fost l-oħrajn li ma jiddispjaċihiex dwar dak li sar fil-konfront ta’ Adrian Delia fis-sajf tal-2020. Inti, bħala deputat qrib ħafna tal-eks Kap Adrian Delia u, fl-aħħar mill-aħħar, parti mill-fazzjoni tiegħu, taħseb li dak li ntqal kien floku jew li saħansitra ma kellux jingħad?”
David Agius: “Hemm xi domandi oħrajn forsi? Issa nwieġbek ukoll.”
Kien hawn li anke l-Uffiċċjal tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni tad-deputat tal-Partit tiegħu stess biex iwieġeb il-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ ONE.
Madankollu, ONE News baqa’ mingħajr tweġiba għax, għal din id-domanda ċara, David Agius għaddas rasu u ntefa’ jaqra minn fuq il-karti li kellu quddiemu fuq suġġett kompletament differenti.
Ġurnalist: “Skomdu twieġeb onorevoli?”
David Agius: “Jekk jogħġbok, issa, inti għamiltli d-domanda u jien qed inwieġeb.”
Ġurnalist: “Imma mintix qed tweġibni għad-domanda.”
David Agius: “Issa dak iġġudikah inti.”
Ġurnalist: “Le, mintix tweġibni, mhux niġġudika. Qed tweġibni fuq suġġett kompletament differenti. Għaliex qed tirrikorri taqra minn fuq karta minflok tweġibni?”
Din l-iskumdità tkompli tikkonferma kemm fil-Partit Nazzjonalista altru li mhux kollox ward u żahar, kif jipprova jindika l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News dehru evidentament urtati wkoll id-Deputati Nazzjonalista Alex Borg u Janice Chetcuti għad-dikjarazzjonijiet ta’ Claudette Buttigieg.
Fi tweġiba li indikat dispjaċir, Borg, li hu magħruf għall-qrubija tiegħu mal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, sostna li ħaddieħor għandu jwieġeb hu għall-għemil tiegħu.
“Jien nista’ nitkellem fuqi nnifsi. Ħaddieħor jitkellem hu fuq l-għemil tiegħu.”
Dan filwaqt li Janice Chetcuti, li ngidmet mit-tmexxija ta’ Bernard Grech fuq il-kariga ta’ Viċi Kap Nazzjonalista, f’botta ċara lil Buttigieg, sostniet li hija taħdem ma’ kull Kap tal-Partit Nazzjonalista.
“Jiena fuqi nista’ nkellmek. Jiena naħseb dejjem raw in-nies li jien dejjem naħdem ma’ kull Kap.”