Skemi offruti mil-Malta Enterprise u mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qed jgħinu lil aktar kumpaniji biex ikunu jistgħu joperaw b’mod aktar sostenibbli.Dawn l-iskemi huma maħsuba biex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija u l-ilma, filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, enfasizzat il-benefiċċji ta’ dawn l-iskemi waqt żjara fil-lukanda Paradise Bay, li qed tibbenefika minn dawn l-iskemi.
Permezz tal-iskemi Investment Aid for Energy Efficiency Projects u Smart and Sustainable Scheme, fuq medda ta’ sena l-Malta Enterprise se tkun tat għajnuna finanzjarja ta’ madwar nofs miljun ewro. Min-naħa tagħha, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qed toffri verifiki tal-enerġija lill-kumpaniji.
Il-Ministru Dalli fakkret f’kif, minbarra l-Wage Supplement, l-estensjoni tagħha, u l-appoġġ li ngħata fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma, il-Gvern qed ikompli jgħin lil kumpaniji f’dan is-settur biex jimxi ’l quddiem.
Fl-istess waqt, qed jiġu iintrodotti skemi biex il-kumpaniji jiġu mħeġġa jinvestu f’operat sostenibbli sabiex isiru iżjed effiċjenti u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom.
Il-lukanda Paradise Bay investiet €200,000 f’soluzzjonijiet intelliġenti ta’ enerġija mix-xemx sabiex tipproduċi l-misħun li tuża fl-operat tagħha, bil-produzzjoni ta’ 11,000 litru ta’ ilma sanitarju bħala ħażna tal-enerġija.
Dan l-impjant solari se jikkontribwixxi sa kważi 70 fil-mija tal-enerġija li għandha bżonn il-lukanda, li se tkun qed tiffranka madwar €60,000 fi spejjez tal-enerġija fis-sena. B’hekk, f’temp ta’ tliet snin u nofs, se tkun qed tkopri l-ispiża ta’ dan l-investiment. B’dan il-proġett, Paradise Bay qed tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha b’220 tunellata fis-sena.
“Qed naraw eżempju tipiku, għal darb’ oħra, kif kumpanija li tinvesti u toħroġ il-Kapital biex tkun aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, qed jaqblilha għax dak l-investiment terġa’ tirkuprah fuq perjodu veru żgħir. U allura nemmen, iva, li bħala Malta Enterprise, bħala Gvern, se nkomplu ninvestu f’din id-direzzjoni, għaliex ikun jaqbel għall-pajjiż u jkun jaqbel ukoll għall-intrapriżi tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia ikkummenta li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-komunità tan-negozju qed tagħti importanza lill-effiċjenza fl-enerġija u s-sostenibbiltà. Kif issemma fil-Baġit għal din is-sena, Malta Enterprise se tkun qed tirdoppja l-assistenza finanzjarja provduta taħt l-iskema tagħha.
Il-General Manager tal-lukanda Paradise Bay, Quentin Grima, qalli l-assistenza qed tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jinvestu fl-effiċjenza tal-enerġija, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-emissjonijiet tal-karbonju.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministeru għall-Enerġija nieda kampanja ta’ informazzjoni favur l-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur privat “Be Efficient. Save Energy!”.
Permezz ta’din l-inizjattiva, il-Gvern qed jikkollabora ma’ disa’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi f’pajjiżna, biex iħeġġu lin-negozji jaddottaw metodi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.